Lokali
Budget 2022: 40 miżura b’investiment ta’ €270 miljun għall-enerġija, l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp sostenibbli, Miriam Dalli, qalet li budget għas-sena d-dieħla jaħseb f’40 miżura għal dawn l-oqsma u li għalihom ġew allokati €270 miljun.

Fiċ-Ċentru Għajn fir-Rabat, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-40 miżura mħabbra fl-oqsma fir-responsabilità tagħha għandhom joħolqu opportunitajiet ġodda, isostnu l-intrapriżi, isaħħu l-oqsma tal-enerġija u l-ilma, u joffru kwalità ta’ ħajja aħjar b’aktar żoni ħodor u spazji miftuħa.

Semmiet li fil-qasam tal-intrapriża, il-Gvern se jassisti intrapriżi jbiddlu l-vetturi ma’ dawk jaħdmu bl-elettriku jew hybrid. Qalet li f’miżura biex tonqos il-burokrazija se jitwaqqaf uffiċċju bis-servizzi kollha għal negozji li jkunu għadhom jibdew.

Fil-qasam tal-enerġija, il-Ministru Dalli qalet li ġew allokati fondi biex is-sena d-dieħla jsiru l-istudji għat-tieni interconnector bejn Sqallija u Malta u dwar il-possibilità ta’ pipeline tal-idroġenu bħala sors ta’ enerġija nadifa. Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-Gvern se jaħdem biex itejjeb il-kwalità tas-servizz tal-Enemalta u dan permezz ta’ pjan ta’ investiment fin-network tad-distribuzzjoni.

Dwar is-sostenibbilità, Dr Dalli qalet li se jsir proġett pilota għall-ġonna komunitarji bl-għan li r-residenti jkollhom fejn ikabbru ħxejjex, frott u fjuri. Semmiet ukoll l-investiment ta’ €20 miljun f’ħames snin għall-afforestazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar.

Mistoqsija dwar il-kontijiet tad-dawl, il-Ministru Dalli qalet li deċiżjoni tar-regolatur tgħid li l-kontijiet huma skont il-liġi u sostniet li l-Gvern ta lura lin-nies aktar minn €500 miljun f’kontijiet orħos.