Lokali
Budget 2022: Żieda ta’ 45% allokati għal proġetti ġodda fl-oqsma tal-ġustizzja u l-governanza

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-budget ikompli jagħti sostenn finanzjarju għar-riformi li twettqu fl-aħħar sena u nofs fl-oqsma tal-ġustizzja u l-governanza li qal se jkunu jistgħu ikomplu jissaħħu.

Konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Barrakka t’Isfel fil-Belt trattat l-oqsma tal-ġustizzja u l-governanza, bil-Ministru Edward Zammit Lewis qal li se jkun hemm żieda ta’ 45% fil-budget allokat għal investimenti fuq proġetti ġodda.

Waqt li għaraf li għad fadal x’isir biex tintlaħaq aktar effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-Qorti, Dr Zammit Lewis qal li 20% aktar mill-budget ta’ din is-sena se jmur għal titjib fl-operat tal-Qorti fosthom għal reklutaġġ ta’ ħaddiema.

Qal, li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jgawdi minn żieda ta’ 80% fil-fondi biex ikompli l-pjan li l-prosekuzzjoni mill-Pulizija Eżekuttiva titmexxa minn dan l-uffiċċju. Proċess, li qal għandu jitlesta sa erba’ snin oħra.

Semma, li ġew allokati fondi wkoll biex jitwettaq il-proġett f’Ħal Far għall-Assett Recovery Bureau biex il-konfiska tal-assi ssir b’mod effettiv u dawn jiġu ppreservati biex meta jinbigħu jew ta’ min huma jiġi lliberat, jinġabru fi stat tajjeb.

Dwar il-Qorti tal-Familja, il-Ministru Zammit Lewis qal li f’dan il-qasam fadal xi jsir u li għaddej proċess ta’ revizjoni biex ikun hemm aktar effiċjenza għaliex fin-nofs hemm il-ħajja ta’ ħafna familji. Żied, li se jsiru emendi għal aktar qrati speċjalizzati, bħal Qorti tal-Kummerċ.