Budget2022
“Budget b’element sojċali li jagħti attenzjoni lill-kapital uman u l-ambjent” – GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) qalet li l-Budget 2022 huwa budget b’element soċjali qawwi li jagħti attenzjoni wkoll lill-kapital uman u l-qasam ambjentali.

Ma’ TVMnews+, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċazzjoni tat-Turiżmu, Joe Muscat qal li l-kapital uman fis-settur turistiku huwa importanti ħafna, b’mod partikolari bħalissa li qed jinħass in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur.

Joe Muscat qal li l-GTA innotat id-diversi inċentivi mħabbra biex ikomplu jixprunaw biex is-settur iżomm il-ħaddiema eżistenti u biex iħajjar ħaddiema oħra biex jidħlu f’din l-industrija.

Spjega li l-Assoċjazzoni innotat ukoll miżuri marbuta m’Għawdex fosthom titjib fil-faċilità tal-ħeliport fix-Xewkija. Semma’ wkoll ir-restawr tal-akwadott u tkomplija tal-pixxina u tal-ħitan tas-sejjieħ f’postijiet rurali.

Fejn jidħol l-ambjent, Muscat qal li l-GTA innotat diversi miżuri li jħajru lin-nies biex iħarsu dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin fosthom il-miżura ta’ dawk li jixtru dar ta’ karattru fil-qalba tar-raħal, fil-UCA.

Temm jgħid li dan il-budget ġie preparat fi żmien tal-pandemija u d-diffikultajiet li ġabet magħha, madankollu, spjega li l-GTA xtaqet xi miżuri li jiġu implimentati fosthom l-eco contribution li tinġabar mill-istabilimenti Għawdxin tinżamm f’Għawdex u tiġi investita fi proġett turistiku għal Għawdex.