Politika
“Budget bl-akbar sostenn finanzjarju li qatt ingħata” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’nofs il-pandemija l-Gvern ippreżenta Budget bl-akbar sostenn finanzjarju li qatt ingħata lin-nies u lin-negozji.

Meta kien qed jirreaġixxi għad-diskors tal-budget tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Abela qal li fil-Budget hemm aktar minn 100 azzjoni konkreta li se tagħmel differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-Prim Ministru qal n-nies jafu fejn qegħdin mal-Gvern, tant li tkellem dwar il-viżjoni għall-10 snin li ġejjin ibbażata fuq 5 pilastri li huma l-governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku, it-tisħiħ fl-edukazzjoni, it-titjib fl-infrastruttura, u l-protezzjoni tal-ambjent.

Il-Prim Ministru qal illi l-ebda gvern ma sab daqshekk sfidi kbar fi żmien qasir. Fir-reazzjoni tiegħu fil-Parlament, Dr Abela qal li huwa kburi li f’nofs pandemija gew salvati 100 elf impieg, bil-pajjiż jirregistra l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro b’għajnuna ta’ €2,700 miljun għaċ-ċittadini u n-negozji. Huwa qal li l-Bagit ta lin-ies minghajr ma ghamel l-ebda taxxa. Il-Prim Ministru Abela qal li huwa kburi kullimkien li huwa Malti u li nnegozja pakkett finanzjarju ta’ €2,250 miljun f’fondi Ewropej.

Qal li minn surplus il-pajjiż mar għal defiċit biex isalva l-impiegi u n-negozji; u sostna li d-defiċit jiġi rkuprat bil-ħolqien tax-xogħol u investiment malli tgħaddi l-pandemija. Huwa qal li fl-2008, Gvern Nazzjonalista kien tefa’ l-piż ekonomiku fuq in-nies bid-defiċit jisplodi ‘l fuq; filwaqt li illum il-piż qed jerfgħu l-Gvern.

Dwar is-saħħa, il-Prim Ministru qal li dan is-settur ingħata r-rizorsi umani u finanzjarji meħtieġa, tant li mill-2013 żied l-għadd ta’ ħaddiema b’5,500 impjegat ieħor. Huwa qal li l-Kap tal-Oppozizzjoni akkuża lill-Gvern li qed jindaħal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, b’Dr Abela jgħid li skont il-Kap tal-Oppożizzjoni s-soluzzjoni hi li jwaqqaf kumitat li jiġi fuq is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Sostna li l-Gvern irdoppja l-ispiża fuq pagi fis-saħħa pubblika fl-aħħar seba’ snin minn 177 miljun għal 331 miljun ewro. Huwa appella lill-Oppożizzjoni biex ma tiħux vantaġġ politku mill-pandemija u ma joqgħodux ibeżżgħu lin-nies; mentri l-Gvern qed jieħu iżjed miżuri ristrettivi waqt li jħalli n-nies jgħixu.

Meta tkellem dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru Abela qal illi l-pajjiż kien imħejji biex jilqa’ għall-emerġenza ekonomika. Qal li minflok daħħal l-awsterità, il-Gvern wieġeb b’politika ekonomika progressiva li wriet ukoll ir-ruħ soċjali tal-Moviment tal-Ħaddiema mingħajr ma jkun kontra min iħaddem. Il-Prim Ministru qal li l-imsieħba soċjali ħadu dak li hħaqqhom bi dritt bħala nies onesti li kkontribwew bit-taxxi għall-pajjiż. Huwa qal li dawn ifaħħru lill-Minsitru tal-Finanzi mentri l-Oppożizzjoni xeħtitu għand maġistrat f’inkjesta biex titfgħu l-ħabs, kif għamlu kontra l-Prim Ministru stess u kontra l-Armata. L-avukat Abela qal li l-wirt ta’ gvern Nazzjonalista kien ekonomija mkissra, mediċini out of stock u kontijiet għolja. Qal li l-gvern Laburista nefaq tliet darbiet aktar mill-2012 fuq l-ekonomija u l-finanzi, aktar minn irdoppja n-nefqa fuq l-edukazzjoni u żied il-benefiċċji soċjali b’darba u nofs.

Dr Abela qal li minn Ġunju sal-ġimgħa li għaddiet il-qgħad naqas b’1,200 ruħ, minkejja l-pandemija, u b’disa’ persuni jsibu x-xogħol kuljum, meta taħt il-gvern Nazzjonalista l-qgħad kien jiżdied b’persuna kull jumejn. Il-Prim Ministru Abela qal li l-istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom Standard and Poors, qed juru fiduċja fir-resiljenza tal-ekonomija <altija.

Fuq id-diskors dwar il-Budget mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Abela qal li l-Oppożizzjoni bdiet tittama li l-pandemija ġġib lill-Gvern għarkupptejh. Hu ddeskrieva d-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista bħala attentat fjakk ta’ politika ekonomika; waqt li elenka dak li sejjaħ sensiela ta’ żbalji fid-dokument dwar ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku.

Tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-10 snin li ġejjin, bil-Prim Ministru jgħid li l-pajjiż se jagħmel bidla diġitali fosthom b’investiment ta’ €700 miljun fi proġetti differenti li fost oħrajn se jagħtu spinta lin-negozji ż-żgħar u lil min jaħdem għal rasu. Dwar l-ambjent, Dr Abela tkellem dwar l-importanza li jagħmel il-qalba għall-vetturi elettiċi u iżjed spazji ħodor. Dwar Għawdex, il-Prim Ministru qal li dan ikun ċentrali f’dik li sejjaħ trasformazzjoni ambjentali u diġitali. Qal l il-proġett tat-tieni fibre optic cable – li se jkun inawgurat dalwaqt – se jkun il-bażi li fuqha jinbena Għawdex diġitali. Dwar il-bini tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer, Dr Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ddeċieda li ma jiħux pożizzjoni dwar dan il-proġett, minkejja li l-Oppożizzjoni vvutat favur il-proġett xhur ilu fil-Parlament.

Fuq l-immigrazzjoni, Dr Abela qal li din il-kwistjoni hi prijorità għall-Gvern u spjega li huwa kruċjali li jibqgħu jitwaqqfu l-wasliet filwaqt li l-immigranti li mhux intitolati ażil għandhom jintbagħtu lura. Tenna li s-soluzzjoni qiegħda fix-xtut tal-Libja. Dwar il-ħaddiema barranin li qegħdin fil-pajjiż b’mod regolari, Dr Abela qal li dawn huma milqugħin fil-pajjiż għax idawru r-rota ekonomika u fi kliemu l-Gvern mhux se jagħmel konferenzi biex ngħidulhom jitilqu għax huma żejda.

Fuq il-governanza, il-Prim Ministru qal li din hi l-bażi ta’ demokrazija moderna u soda. Argumenta li l-bidliet ma sarux minħabba l-Moneyval jew il-Kummissjoni Venezja iżda għax jemmen li l-uniku użu tal-poter għandu jkun bi skop ġust. Dwar is-sehem tan-nisa fis-soċjetà, Dr Abela qal li l-mekkaniżmu biex jiżgura iktar rappreżentanza femminili fil-Parlament irid jidħol issa.

Il-Prim Ministru qal li trid tinbidel il-liġi tad-divorzju li fil-preżent in-nies iridu jistennew 4 snin mis-separazzjoni biex jieħduh. Dr Abela qal li jrid edukazzjoni ċivika, finanzjarja u fuq l-ambjent biex l-edukazzjoni tkun mezz li bih il-pajjiż ikun iktar ġust soċjalment. Il-Prim Ministru wera ruħu konvint li l-pajjiż se joħroġ iktar b’saħħtu mis-sitwazzjoni, minkejja li fadal żmien qasir ta’ sagrifiċċju. Appella lin-nies u n-negozji biex ikomplu jiġbdu ħabel wieħed, b’Dr Abela jħeġġiġhom biex ma jaqtgħux qalbhom għax qal li n-nies jafu fejn qegħdin ma’ dan il-Gvern.

Tista’ ssegwi hawn id-diskors sħiħ tal-Prim Ministru: