Budget
Budget helpline: 300 mistoqsija fl-ewwel 5 sigħat

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna qal li l-miżuri ntgħażlu bil-għaqal, waqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-budget huwa riflessjoni tas-suċċess li kiseb il-pajjiż fl-aħħar ħames snin u kif qed jilqa’ għall-isfidi tal-lum u ta’ għada.

Intant, mil-lum beda jitħaddem budget helpline li fl-ewwel ħames sigħat irċieva aktar minn 300 mistoqsija dwar il-miżuri tal-budget.

“Bonġu jien Kimberley mill-Budget Helpline kif nista’ ngħinek?”

Sbieħ it-Tlieta filgħodu – inqas minn 12-il siegħa mill-preżentazzjoni tal-Budget, għadd ta’ aġenti bdew jitħarrġu u jsiru midħlu tal-miżuri mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna biex ikunu jistgħu jwieġbu l-mistoqsijiet tal-pubbliku fuq il-freephone 80072207.

“Għandek l-għoli tal-ħajja €3.49 iva eżatt.”

“Għall-pensjonanti hija ta’ €7 fil-ġimgħa.”

Maria Micallef f’isem il-call centre fejn qed jintlaqgħu t-telefonati qaltilna li fl-ewwel ħames sigħat irċevew aktar minn tliet mitt telefonata u l-aktar mistoqsijiet komuni kienu dwar il-pensjonijiet, il-kumpens għall-għoli tal-ħajja u l-benefiċċji għall-familji.

“Qed isaqsu ħafna fuq il-benefiċċju li ħa jibda jingħata għal kull wild fl-2020 jiġifieri kull min ikollu twelid naturali kif ukoll jadottaw it-tfal fl-2020 dawn se jieħdu €300 għal kull wild li jitwieled jew jiġi adottat.”

Il-Budget Helpline li jibqa’ miftuħ sal-15 ta’ Novembru mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-tmienja ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija hu offrut b’tliet mezzi differenti – it-telefon, email fuq [email protected] jew b’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook ‘MaltaGov’.

“Aħna nieħdu nota ta’ kull mistoqsija li jkun hemm, jekk hux qed jistaqsi x’intqal kif ukoll jekk irid aktar informazzjoni dwar kif ħa tiġi implimentata l-miżura, f’dak il-każ nieħdu d-dettalji imbagħad ngħadduhom lill-Ministeru konċernat biex kif il-miżura tiġi implimentata iktar tard din is-sena jew is-sena d-dieħla, il-Ministeru jkun jista’ jikkuntattja lura liċ-ċittadin.”

U l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna qal li waqt li hu sodisfatt ħafna bir-reazzjoni ġenerali tal-media u l-korpi kostitwiti, jidher ċar li l-miżuri mħabbra jindirizzaw kwistjonijiet li jaffettwaw lin-nies. Semma kif din id-darba, il-Gvern kien aktar attent għall-isfidi lokali bħal spazju miftuħin u l-konġestjoni tat-traffiku.

“Il-poplu x’irid mill-Gvern, bl-Ingliż ngħidu jrid li l-Gvern ikun on the ball jiġifieri jkun aware tal-issues kollha lokali, internazzjonali, sfidi u opportunitajiet.”

Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne qal li l-budget jibni fuq il-kisbiet u s-suċċessi tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin waqt li qed ipoġġi l-bażi biex b’mod sostenibbli, ikompli jindirizza d-diffikultajiet li Malta għandha quddiemha.

“Dan huwa budget pro-business, pro-ambjent, budget pro l-ħaddiema, aħna kburin li ma nibżgħux nieħdu d-deċiżjonijiet li jpoġġuna fuq il-parti tas-soċjetà li l-aktar li għandha bżonn.”

Id-Deputat Prim Ministru qal li dan hu baġit favur Malta li joffri serħan il-moħħ u soluzzjonijiet għall-isfidi.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-familja, id-drittijiet tat-tfal u solidarjetà soċjali Michael Falzon qal li bħalissa hemm 278 tifel u tifla li huma taħt ordni ta’ ħarsien mill-Aġenzija Appoġġ. Fi tweġiba parlamentari lid-deputat nazzjonalista…

Lokali

Il-Ministru għall-familja, id-drittijiet tat-tfal u solidarjetà soċjali Michael Falzon qal li s-sena li għaddiet kien hemm disa’ każi ġodda ta’ traffikar uman. Fi tweġiba parlamentari għall-mistoqsija tad-deputat nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Ministru Falzon…

Politika

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna attakki personali li saru lbieraħ u llum minn żewġ deputati tal-Partit Nazzjonalista fuq ġurnalist li għandu programm fuq l-istazzjon ONE. L-IĠM qal li minbarra diversi rapporti…

Lokali

Il-fondazzjoni għas-servizzi ta’ ħarsien soċjali qed taħdem ma’ 1,300 vittma ta’ vjolenza domestika f’1,324 każ li għandha f’idejha. Il-Ministru għall-familja, drittijiet tat-tfal u solidarjetà soċjali Michael Falzon qal dan fi…

Aktar