
Bit-tema ‘Malta – Nippremjaw il-bżulija’ l-budget għas-sena d-dieħla jippremja x-xogħol u jattakka l-abbuż fil-benefiċċji soċjali. Fil-budget, il-Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna ħabbar diversi għajnuniet lill-familji u lin-negozji u inizjattivi għall-proġetti bejn il-Gvern u l-privat
Il-miżuri tal-budget 2015
Fil-budget għas-sena d-dieħla, tħabbru diversi miżuri li jinkludu wkoll dħul akbar għal gvern b’żieda fit-taxxa fuq is-sigarretti u l-inbid, u żieda fuq id-dazju fuq il-fuel, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ taxxa tas-sisa fuq l-għalf li jintuża fil-fish farms. Tħabbret ukoll reviżjoni fil-liċenzji tas-sewqan u fir-reġistrazzjoni tal-karozzi bi tnaqqis fit-taxxa fuq l-muturi. Tħabbret taxxa fuq l-krejnijiet u fuq is-swimming pools.
Il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol stabbli sa Marzu
Minn Jannar għalkemm ser tiżdied is-sisa fuq id-diesel u fuq il-petrol, il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti ser jorħsu b’ċenteżmu l-litru d-diesel u b’żewġ ċenteżmi l-petrol u ser jibqgħu stabbli sa Marzu li ġej. Tħabbar ukoll li l-prezz tal-gass ser jibqa stabbli sa April li ġej.
Mhux se jogħlew in-nollijiet tal-karozzi tal-linja
Tħabbar ukoll li mhux ser jogħlew in-nollijiet tal-linja meta f’Jannar jibda l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku. Miżuri oħra huma maħsuba biex inaqqsu t-traffiku, bil-Gvern jgħid ukoll li ser issir konsultazzjoni pubblika dwar ħinijiet differenti għal ftuħ tal-iskejjel.
Bonus ta’ €35 ta’ darba
Tħabbar li minbarra l-kumpens ta’ 58 ċenteżmu għall-għoli tal-ħajja, il-Gvern ser iħallas bonus ta’ darba ta’ €35 ewro mhux taxxabbli lil ħaddiema kollha full-time u lil pensjonanti u pro rata lill-istudenti, li mhux ser jibbenefikaw mit-tnaqqis ieħor fl-income tax li l-ogħla rata tagħha ser tonqos minn 29 għal 25 fil-mija. L-anzjani li għalqu 75 ser jerġgħu jingħataw l-għotja ta’ €300.
Bidla fit-taxxa tad-dħul kapitali fuq il-proprjetà
Tħabbret ukoll bidla fit-taxxa tad-dħul kapitali fuq il-proprjeta minn Jannar li ġej. Ser tiġi estiża b’sitt xhur, il-miżura li biha minn jixtri l-ewwel proprjeta jiffranka t-taxxa tal-boll. Ser titneħħa wkoll l-eko kontribuzzjoni fuq diversi prodotti tal-elettronika. Ġie konfermat ir-roħs ta’ 25 fil-mija fil-kontijeit tan-negozji minn Marzu li ġej.
Miżura biex jitnaqqsu l-listi tal-operazzjonijiet
Fil-qasam tas-saħħa, twaqfet kumpanija ġdida biex jitnaqqsu l-listi tal-operazzjonijiet b’mod li l-kirurgi jkollhom kwota ta’ operazzjonijiet li jridu jsiru u jkunu inċentivati biex fi tmiem il-ġimgħa jagħmlu operazzjoni aktar mill-kwota.
Fil-qasam tax-xogħol, il-budget jaħseb għal diversi miżuri maħsuba fost oħrajn biex titnaqqas id-dipendenza fuq is-servizz soċjali speċjalment minn żgħażagħ qoegħda, single mothers u persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sena.
Liġi biex kumpaniji jimpjegaw nies b’diżabbiltà
Il-gvern ħabbar ukoll li ser jinforza l-liġi biex kumpaniji li jħaddmu aktar minn 50 ruħ, jimpjegaw bi kwota ta’ 2% persuni b’diżabbiltà u jekk ma jagħmlux dan iridu jikkontribwixxu finanzjarjament għal fond għal persuni b’diżabiltà.
Possibbiltà li l-cruise liners jiftħu casino
Il-vapuri tat-turisti li jagħmlu lejl f’Malta ser jingħataw il-possibiltà li jitfgħu abbord il-casino għal passiġġieri tagħhom bil-ħsieb li l-passiġġieri jkollhom aktar ħin jinżlu l-art u jiġġeneraw l-ekonomija lokali.
Sħubija bejn il-Gvern u l-privat għal San Luqa
Fid-diskors tal-budget isemmew ukoll diversi inizjattiva għal proġetti ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat fosthom għall-isptar San Luqa, il-manutenzjoni tat-toroq, lukanda f’Bighi, it-trasport marittimu lejn il-Belt, għaċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla u kumpanija li tieħu ħsieb l-assi li jiġu konfiskati mill-qorti.