Budget
“Budget realistiku ta’ Gvern magħqud u mfassal man-nies, għan-nies” – PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-budget għas-sena d-dieħla se jkun wieħed realistiku ta’ gvern magħqud imfassal man-nies, għan-nies.

F’kollegatament bit-telefown fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar dik li sejjaħ l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija madwar id-dinja.

Dr Abela qal li l-pajjiż irnexxielu jikkontrolla l-prezzijiet tal-enerġija għax il-Gvern kien bilgħaqal fid-deċiżjonijiet tiegħu.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-budget li se jiġi ppreżentat it-Tnejn hu wieħed mill-aktar li qatt saret konsultazzjoni dwaru mal-faxex kollha fis-soċjetà fosthom l-imsieħba soċjali u għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam soċjali u ambjentali.

Il-Prim Ministru qal li dan se jkun budget realistiku . . . imfassal man-nies u għan-nies. Dr Abela qal li l-Gvern impenjat li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-ġejjieni tal-poplu biex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem. Irrimarka li l-Gvern irid jikseb ir-riżultati biex isaħħaħ lill-pajjiż f’kull sens fosthom mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Il-Prim Ministru qal li dan kollu jista’ jsir għax il-Gvern hu tim wieħed magħqud li b’armonija qed ifassal politika li ttejjeb il-ħajja tan-nies. Dr Abela argumenta li mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Nazzjonalista. Wera l-fehma li fil-Partit Nazzjonalista, ma teżisti l-ebda armonija. Irrimarka li għalhekk, il-poplu ma jistax jieħu r-riskju li jafda l-ġejjieni tal-pajjiż f’idejn min lanqas hu kapaċi jgħaqqad it-tim li suppost qed jaħdem bih.

Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru qal li l-Gvern irnexxielu jikkontrollaha u fl-istess waqt naqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-inqas rati mindu bdiet tinġabar l-istatistika. Qal li dawn ir-riżultati huma xhieda kemm il-politika tal-Gvern hi waħda bbażata fuq il-ħtiġijiet tan-nies.

Irrefera għall-kriżi ekonomika tal-2008 u qal li dakinhar il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien falla l-finanzi tal-pajjiż. Dr Abela argumenta li fi kriżi 10 darbiet akbar minn dik, dan il-Gvern baqa’ joħloq il-ġid għall-poplu. Il-Prim Ministru tkellem dwar il-prezzijiet tal-enerġija u qal li fid-dinja hemm dik li ddeskrieva bħala splużjoni fil-prezzijiet tal-gass u l-fjuwil. Qal li l-Gvern irnexxielu jikkontrolla dawn il-prezzijiet għax kien bilgħaqal.

Dr Abela qal li l-Gvern se jkompli jtejjeb id-dħul tal-anzjani għas-sena d-dieħla. Dwar l-akkomodazzjoni soċjali, il-Prim Ministru qal li l-lista ta’ stennija għall-postijiet tal-Gvern hi ta’ 1,000 persuna inqas mill-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru qal li l-għan ewlieni tal-Gvern hu li kkompli jkabbar l-ekonomija li tiġġenera x-xogħol anke b’enfasi fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet biex il-poplu jkollu pajjiż aħjar.