Unjoni Ewropea
Budget UE: Jissemmew l-ewwel allokazzjonijiet ‘addizzjonali’ għal Malta

Hekk kif it-taħditiet dwar il-Budget u l-Fond ta’ Rkupru mill-Coronavirus daħlu fl-aqwa tagħhom, f’abbozz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li qed jiġi ċċirkolat fi Brussell, jissemmew l-ewwel allokazzjonijiet speċifiċi li qed jiġi ssuġġerit li jingħataw lil Malta taħt temi differenti.

Dawn l-allokazzjonijiet għadhom mhux maqbula mill-mexxejja Ewropej u barra minn hekk għad iridu jiżdiedu ma’ allokazzjonijiet oħra li d-dettalji tagħhom għadhom ma ssemmewx.

Id-dokument kien iċċirkolat waqt li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qed jiltaqa’ mas-27 Kap ta’ Gvern u qed iwasslilhom il-proposti aġġornati f’tentattiv li jikseb l-approvazzjoni tagħhom.

Mid-dokument li Television Malta għandu kopja tiegħu, taħt il-programm REACT-EU (Recovery Assistance for Cohesion and the Territories of Europe) Malta ġiet allokata €50 miljun addizzjonali għas-somma finali li għad trid tiġi maqbula aktar tard.

L-insularità ta’ Malta, gżira żgħira li għandha sfidi speċifiċi minħabba d-daqs tagħha u minħabba li tiddependi mill-konnettività bil-baħar u bl-ajru, mistennija tiġi rikonoxxuta b’€100 miljun addizzjonali bħala fondi strutturali taħt il-mira “Investment for growth and jobs”.

Taħt l-istess mira Malta mistennija tingħata €50 miljun addizzjonali biex iżżid il-kompetittivita’ u tgħin it-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol.

Malta mistennija tirċievi wkoll allokazzjoni addizzjonali ta’ €50 miljun taħt l-EAFRD bħala appoġġ għal proġetti ta’ żvilupp rurali.

Fid-dokument jingħad ukoll li peress li Malta, Ċipru u l-Greċja kienu l-aktar stati membri li rċievew applikazzjonijiet għall-ażil bejn l-2018 u l-2019, qed jiġi ssuġġerit li l-ammonti fiss li dawn iż-żewġ gżejjer jirċievu f’dan il-qasam jiżdiedu b’€25 miljun addizzjonali oħra għall-Kontroll tal-Fruntieri u b’€25 miljun oħra għall-Fond tal-Ażil u l-Migrazzjoni.

Nhar is-Sibt li għadda l-Prim Ministru Robert Abela qal lil Television Malta li s-suċċess ekonomiku li kisbet Malta fl-aħħar snin m’għandux jippenalizza lil Malta. Fl-istess waqt huwa sostna li kien l-isfidi speċifiċi u r-realtajiet partikolari ta’ Malta frott il-fatt li hija gżira żgħira għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea.