Sport
“Bullying psikoloġiku u kummenti razzjali qed ibegħdu atleti żgħażagħ mill-isport”

Psikologa tal-isport qalet li bullying psikoloġiku u kummenti razzjali qed ibegħdu ħafna atleti żgħażagħ mill-isport. Dr Adele Muscat tkellmet ma’ Television Malta wara li footballer adolexxenti allegat li l-Ħadd li għadda, waqt li kienet qed tilgħab, kien hemm xi persuni barra l-ground li bdew jgħajruha b’missierha u l-kulur tal-ġilda tagħha.

Maya Lucia għandha 17-il sena u hi waħda mill-aktar footballers promettenti f’Malta tant li s-sena li għaddiet issejħet mat-team nazzjonali tal-kbar.

“Ftit ilu mort narahom jilagħbu u issa ħa nieħu sehem hija xi ħaġa surreali, kienet xi ħaġa sabiħa għat-team u għall-familja u nixtieq nagħmel li nista’ biex intihom pjaċir”

Minkejja li bħalissa l-logħbiet kollha tal-football qed isiru mingħajr partitarji, fi tmiem din il-ġimgħa Maya allegatament spiċċat fil-mira ta’ kummenti razzisti waqt logħba mill-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena bejn it-team li tilgħab miegħu Raiders Għargħur u Mosta fil-ground ta’ Marsascala. Kienet hi stess li qajmet il-każ fuq il-media soċjali.

Il-psikologa tal-isport Adele Muscat li hi lettur fl-istitut tal-isport fl-Università ta’ Malta spjegat li kummenti razzisti iħallu impatt psikoloġiku kbir fuq l-atleta u jikkawżaw trawmiet.

“Jista’ jkun li l-atleta ma tkunx tista’ torqod, jista’ jkun li taqbdu ansjetà u forsi palpitations u jkollu jieqaf mill-isport għax ikollu burn out emozzjonali”.

Dr Muscat qalet li l-allegat każ ta’ razziżmu fil-konfront ta’ Maya Lucia mhux iżolat tant li ltaqgħet ma’ sitwazzjonijiet fejn atleti ma felħux aktar u waqfu mill-isport.

“Għandna sitwazzjoni li żgħażagħ speċjalment, għax b’xi mod jew ieħor ġew bullied jew ntqal xi kliem lejhom fuq il-pitch u anke online għax xi kultant iż-żgħażagħ jgħaddu ħafna kummenti online lil xulxin, ċertu kummenti qed iġiegħlu liż-żgħażagħ jitbiegħdu mill-isport”.

Il-psikologa tal-MFA appellat lill-ġenituri biex jagħtu l-eżempju u joqgħodu lura milli jgħaddu kummenti razzjali jew dispreġjattivi għax jaf ikunu uliedhom stess fil-mira ta’ ċertu kliem.

Dr Muscat spjegat li l-pandemija mhux tgħin lanqas tant li qed tinnota li qed ikollha impatt psikoloġiku fuq numru ta’ sportivi żgħażagħ speċjalment dawk li kienu qed jittamaw li jmorru jilagħbu jew jikkompetu barra minn Malta.

“Qed ikun hawn żieda ta’ players li qed ifittxu l-għajnuna u support minħabba s-sitwazzjoni li qed ikollhom jieqfu jerġgħu jibdew ma jafux meta se jkunu jerġgħu jikkompetu, l-affarijiet kienu sejrin tajjeb fl-isport tagħhom u issa kollox waqaf”.

L-assoċjazzjoni tal-football u l-Pulizija huma infurmati bil-każ, li kien kundannat minn diversi bnadi fosthom mill-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u diversi federazzjonijiet sportivi.