Busuttil: iż-żgħażagħ se jagħmlu d-differenza

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena se jagħmlu d-differenza huma wkoll meta fil-11 ta’ April se jmorru jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.  Huwa qal li hija ħasra li l-istess żgħażagħ mhux se jitħallew jivvutaw ukoll fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

F’laqgħa maż-żgħażagħ barra l-Junior College, Dr Busuttil ħeġġiġhom biex jivvutaw lil żgħażagħ bħalhom.  Stqarrija tal-partit Nazzjonalista ikkwotat lil Dr Busuttil jgħid  li kien għal Prim Ministru, iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena ma kinux se jivvutaw għax filwaqt li legalment tahom il-vot, ried li jeħdilhom l-elezzjoni.  Huwa qal li kien biss grazzi għall-insistenza tal-Oppożizzjoni li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru.