Lokali
Busuttil jgħid li l-Prim Ministru jmissu rriżenja

Min-naħa l-oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-pajjiż jinsab fi kriżi politika u Kostituzzjonali, bil-Prim Ministru formalment taħt inkjesta u għandu jirriżenja jew jitneħħa. Huwa ħabbar dimostrazzjoni biex il-poplu jingħaqad ħalli joħroġ il-pajjiż mis-sqaq li ddaħħal fih.

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat issa formalment jinsab taħt inkjesta Maġisterjali. Din hija sitwazzjoni bla preċedent f’pajjiżna. Meta talab l-inkjesta, il-Prim Ministru messu għamel dak li mistenni minnu u rriżenja biex inaddaf ismu. Ladarba l-Prim Ministru m’għamilx dak li huwa mistenni minnu, jiena nappella lid-deputati tiegħu, lid-deputati parlamentari Laburista sabiex jagħmlu dak li m’għamilx hu u jneħħuh huma. Li huwa żgur huwa li pajjiżna ma jistax ikollu Prim Ministru taħt sħaba ta’ korruzzjoni u taħt inkjesta Maġisterjali.

Dr Busuttil qal li l-Prim Ministru ma kellux diċenza jaħtar inkjesta Maġisterjali minnufih wara dak li ġara l-Ħamis filgħaxija, meta ġie allegat li s-sid tal-kumpanija Egrant hija mart il-Prim Ministru u li fiha allegatament daħlu iktar minn miljun ewro mill-Ażerbajġan.

Il-kap Nazzjonalista qal li b’hekk, il-provi setgħu laħqu nħarġu mill-Pilatus Bank. Huwa qal li l-istituzzjonijiet jinsabu paralizzati għax maħkuma mill-Prim Ministru jew imbeżża’ milli jinvestigaw. Qal li huwa t’għajb li l-Kummissarju tal-Pulizija kien għal fenkata minflok bagħat lill-Pulizija jinvestigaw f’Pilatus Bank biex jelevaw kull evidenza.

Dr Busuttil qal li hemm istituzzjonijiet oħra fosthom l-Avukat Ġenerali, is-Servizzi Sigrieti, l-MFSA u l-FIAU, li messhom jieħdu passi.

“Pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni ta’ kriżi politika u Kostituzzjonali. Il-Prim Ministru jinsab taħt sħaba ta’ korruzzjoni filwaqt li l-istituzzjonijiet li suppost li jaraw li l-liġi u l-ġustizzja jseħħu f’pajjiżna, huma kkontrollati minnu u huma pparalizzati,” qal Busuttil.

Mistoqsi mill-ġurnalisti għall-provi fuq l-allegazzjonijiet, Dr Busuttil qal li f’pajjiż normali l-evidenza u d-dokumenti m’għandhiex tfittixhom l-Oppożizzjoni għax dak huwa xogħol l-istituzzjonijiet. Żied jgħid li hu żgur li dawn huma dubji kbar, u dubji sostanzjati mill-aġir tal-Prim Ministru li baqa’ ma keċċiex lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Fi stqarrija aktar tard il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jsib l-ebda diffikultà li jagħmel dibattitu mal-Prim Ministru fuq Xarabank li qal li Dr Msucat ilu tliet snin jaħrab minnu. Qal li għalhekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux problema li jipposponi l-intervista li kellu skedata biex jaqsam il-ħin tiegħu mal-Prim Ministru.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ilhom snin twal ikerrħu l-ambjent f’ċerti inħawi, iżda huma meħtieġa biex jitwassal servizz essenzjali: l-elettriku. Qed nirreferu għal arbli fil-kampanja b’cables imdendla magħhom. Li fihom tajjeb hu li jista’ jasal…

Lokali

Il-midja Taljana qed tkompli tirrapporta bi prominenza l-arrest ta’ Darren Debono ta’ 43 sena, li nqabad f’lukanda f’Lampedusa wara li kien imfittex b’rabta ma’ kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja. Debono, li kien…

Lokali

Jonathan Felice intbagħat disa’ snin ħabs wara li tilef l-appell b’rabta ma’ serqa bil-vjolenza li seħħet f’Ġunju 2006, meta huwa kien għad kellu 17-il sena. Dak iż-żmien anzjana ta’ 81…

Lokali

Il-Gvern ħabbar id-dettalji tar-rigal ta’ €1 miljun li se jkun offrut lil min jikxef informazzjoni konkreta li twassal biex ikun solvut il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija l-Gvern qal…

Aktar