Busuttil: Tmiem ħażin tas-sena għall-gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li ġara fl-aħħar jiem kompla jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni hi effettiva u kredibbli. Qal li din il-ġimgħa, l-ħidma tal-Oppożizzjoni waslet għall-waqgħa ta’ wieħed mill-aktar Ministri ewlenin tal-Gvern.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li din is-sena se tagħlaq ħażin għal gvern għax il-poplu qed jara lil Joseph Muscat mingħajr maskra. Dr Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista wera li huwa kredibbli u effettiv u qal li dan sar b’politika onesta. Żied jghid li l-Partit Nazzjonalista ser ikompli miexi b’din il-politika biex juru li huwa alternattiva f’saħħitha għal gvern.

F’seminar tal-kumitat regjonali tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Dr Busuttil semma s-sehem tal-Oppożizzjoni biex ħarget il-verita’ fil-każ tal-isparattura tax-xufier tal-Minsitru Mallia. Qal iżda li għad hemm dubju dwar jekk ħarġitx il-verita’ kollha waqt li sostna li l-agħar fil-każ kollu kien l-attentat mill-gvern biex jinħbew il-fatti.

Il-kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Prim Ministru b’tattiċi ta’ ‘bullying’ iżda qal li dawn mhux se jbeżżgħu lill-Partit Nazzjonalista. Dwar ir-rapport Valencia dwar il-mewt ta’ immigrant li tlesta f’Dicembru tal-2012, staqsa għaliex il-Prim Ministru dam sentejn biex jippublikah.

Dwar Għawdex, Dr Busuttil qal li l-intenzjoni wara it-twaqqif tal-kunsill reġjonali għall-Għawdex u l-policy fora iddedikat għal dan ir-reġjun, hija biex joħorġu b’ideat ġodda ħalli l-Partit Nazzjonalista ikollu direzzjoni ċara għal Għawdex fl-elezzjoni li jmiss. Dwar ix-xogħol f’Għawdex, Dr Busuttil qal li hemm diversi modi ta’ kif wieħed jaħdem biex jinħoloq xogħol għall-Għawdxin. Fost l-oħrajn, hu semma l-investiment fit-teknoloġija u fit-turiżmu.

Dr Busuttil semm ukoll li f’Ghawdex għandhom jinħolqu setturi ekonomici ġodda u li għandhom jisfruttaw il-finanzjament għall-unjoni ewropea kif sar fl-ewwel għaxar snin mis-sħubija meta qal li għaxra fil-mija tal-fondi kienu ddedikati għall-Għawdex. Madanakollu qal li l-gvern irid jibda jaħseb għal dak li se jiġri wara l-2020 biex Għawdex tibqa’ tibbenefika minn pakkett finanzjarju tajjeb anke jekk Malta ma tibqax.

Dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, il-kap tal-Oppożizzjoni qal li ser jaraw x’vermanet iridu l-Għawdxin u ser jaraw il-possibiltajiet kollha.