Saħħa
Bżonn li tixxejjen l-istigma fis-soċjetà dwar is-saħħa mentali- il-President

Saħħa mentali aħjar bis-sehem sħiħ tas-soċjetà kienet it-tema tal-ewwel konferenza nazzjonali dwar is-saħħa mentali mtella’ mill-President ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali. Matul il-konferenza ġie diskuss ukoll l-aspett uman, ekonomiku u soċjali għal saħħa mentali aħjar.

Fl-ewwel konferenza nazzjonali msejħa ‘Flimkien għal Saħħa Mentali Aħjar’, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bl-istrateġija nazzjonali għall-kura tas-saħħa mentali qed isir rivoluzzjoni f’dan il-qasam. Qal kieku hu possibbli l-isptar Monte Carmeli ma jibqax jeżisti, iżda l-fatti juru li għas-snin li ġejjin se jkun hemm bżonnu.

Spjega fl-aħħar sena mitejn persuna nħarġu minn dan l-isptar wara li ġew eżeminati u nstab li għalkemm ilhom hemm snin twal m’għandhomx għalfejn ikunu Monte Carmeli. Żied li fi tmiem il-ġimgħa nħarġu aktar pazjenti mill-aktar żewġ swali li mhumiex fi stat li jintużaw aktar u se jingħalqu.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President George Vella qal li s-saħħa mentali se tingħata prijorità mill-Presidenza tiegħu. Tkellem dwar il-bżonn ta’ djalogu dwar is-saħħa mentali li jkun aktar miftuħ bil-għan li tixxejjen l-istigma li teżisti fis-soċejtà.

Il-President irrimarka li l-ħsara fis-saħħa mentali tista’ sseħħ f’kull età mill-bullying fl-iskejjel għall-istress fuq il-post tax-xogħol, għal problemi familjari u ekonomiċi, mard u solitudni fl-anzjani.

”Xi jfisser li inti jkollok ekonomija li tkun tajba, ikollok il-prosperità fil-pajjiż jekk kemm-il darba l-poplu jew inkella ħa ngħid hekk persentaġġ kbir minnu li jkun għaddej minn inkwiet li ma jħallihx komdu. Jien naħseb li s-saħħa mentali hija l-iktar ħaġa importanti anke għax tintrabat mas-saħħa fiżika.”

Fost il-kelliema l-ekonomista speċjalizzata fil-qasam soċjali, Amanda Borg qalet li studji juru li l-kuntentizza mhux neċessarjament tiżdied aktar ma jiżdied id-dħul tal-individwu.

”Ovvjament aktar xogħol, jista’ jkun li jiżdied iktar l-istress fil-ħajja, aktar pressjoniiet u għalhekk persuna jista’ jkun li tesperjenza problemi ta’ saħħa mentali.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo qal li l-fatt li qed nitilfu kull kuntatt man-natura qed iwassal għal aktar problemi ta’ saħħa mentali. Qal li dawk li jħaddmu u l-unions għandhom itellgħu fuq l-aġenda s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Semma kif f’pajjiżi oħra daħal id-dritt li ma jġorrx l-uffiċċju d-dar permezz tal-mezzi teknoloġiċi.

Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri appella biex fl-iskejjel isir screening bil-għan li l-ewwel sintomi ta’ mard mentali jinqabdu kmieni.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar