Infrastruttura
Bżonn ta’ riforma immedjata li tirregolarizza l-industrija tal-bini – il-Kamra tal-Periti

Wara l-aħħar inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, il-Kamra tal-Periti qalet li jeħtieġ riforma immedjata fil-qafas leġiżlattiv li jirregolarizza l-industrija tal-bini. Il-Kamra tal-Periti qalet li identifikat diversi nuqqasijiet fl-industrija u ħejjiet proposti li ġew ippreżentati lill-Gvern dwar it-twaqqif ta’ awtorità għal das-settur.

Numru ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni li qanqlu bosta mistoqsijiet dwar is-sigurtà u l-kwalità tal-kostruzzjoni f’Malta, wasslu lill-Kamra tal-Periti biex jipproponu aġġornament tal-qafas leġiżlattiv li jirregola l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, Simone Vella Lenicker, qalet li l-Kamra ilha minn tal-inqas għaxar snin tappella lill-awtoritajiet biex isir tibdil fil-liġijiet dwar is-sigurtà u l-kwalità tal-bini fost oħrajn.

”Il-materjal li tuża, xi kwalitajiet għandhom ikollhom. Il-mod kif nipproteġu għal issues rigward nirien fil-bini; issues rigward is-servizzi li jidħlu fil-bini – dawk il-codes li jiggwidaw lill-Perit, lill-Inġinier u liż-Żviluppatur biex finalment ikun hemm bini ta’ kwalità.”

Il-Kamra tal-Periti qalet li ħaddiema fil-kostruzzjoni, bħal bennejja u kuntratturi għandhom ikunu reġistrati.

”Kulħadd jista’ jgħid li huwa kuntrattur u huwa importanti li jista’ jkun hemm checks and balances għax finalment qed jidħlu f’responsabilità għall-integrità strutturali tal-bini.”

Waqt il-preżentazzjoni tal-proposti, il-Perit Andre’ Pizzuto qal li matul il-proċess ta’ disinn u bini, il-periti jħabbtu wiċċhom ma’ 22 entità. Qal li dan joħloq problema u jittama li din tkun indirizzata b’awtorità ġdida li mistennija tibda tiffunzjona sal-aħħar tas-sena.

Il-Perit Pizzuto qal li hemm il-ħtieġa li jkunu definiti r-responsabiltajiet tal-persuni li jkunu fuq sit ta’ kostruzzjoni, bil-Periti u l-Inġiniera jkunu ffukati iżjed fuq id-disinn, l-ippjanar tal-ispeċifikazzjonijiet, u jiċċertifika x-xogħlijiet.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, UPE qalet li l-Kunsill tal-Għalliema, iddeċieda li mis-sena skolastika li ġejja, l-għalliema kollha li se japplikaw għall-warrant ser ikollhom jippreżentaw il-fedina penali tagħhom maħruġa fl-aħħar xahar, flok iċ-ċertifikat…

Lokali

It-tifkira ta’ Lassana Cisse Souleymane, li kienet tpoġġiet fil-post fejn inqatel ġiet ivvandalizzata. Huwa kien inqatel kiesaħ u biered fit-triq li tagħti bejn Ħal Far u Birżebbuġa nhar is-6 t’April. B’rabta…

Lokali

Heritage Malta, flimkien mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja, qed iħabbru l-bidu ta’ proġett internazzjonali u interdixxiplinarju li jinvolvi l-istudju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew…

Aktar