CABS jappella lill-gvern iwaqqaf l-insib għall-Pluviera

Il-kumitat kontra l-qtil tal-għasafar, il-CABS, appella lill-gvern biex iwaqqaf l-insib għall-Pluviera hekk kif qal li l-insib illegali li qed isir billejl qed iwaqqa’ għaċ-ċajt il-monitoraġġ u s-sitema tal-kwota li ntroduċew l-awtoritajiet biex ikun assigurat li jinqabdu biss numru limitat ta’ għasafar.

Fi stqarrija l-CABS qal li kemm ilu li beda l-istaġun tal-passa tal-Pluviera, huwa għamel monitoraġġ matul il-lejl u sab li l-maġġoranza tas-siti reġistrati għall-insib tal-Pluviera huma attivi matul il-lejl waqt li l-Pluviera tkun qed tpassi u x’ħin ma jkunx hemm infurzar.

Kien spjegat li la l-insib huwa illegali minn sagħtejn wara nżul ix-xemx sa sagħtejn qabel tlugħha, l-għasafar li jinqabdu f’dawn il-ħinijiet ma jiġux irraportati bir-riżultat li jkun impossibli biex il-gvern jgħid meta tintlaħaq il-kwota.

L-istqarrija fakkret li n-nassaba huma obligati li jirraportaw kull għasfur li jaqbdu b’SMS ħalli jsir monitoraġġ tal-kwota tal-istaġun u f’każ li l-kwota għall-Pluviera tintlaħaq qabel jintemm l-istaġun l-insib għaliha jispiċċa.

CABS ikkritika wkoll l-użu ta’ tagħmir illegali li jintuża għall-insib tal-Pluviera. Qal li dan it-tagħmir jintuża f’postijiet fejn wieħed diffiċli jisimgħu u n-nassaba jitfuħ malli jkunu jafu li l-Pulizija jkunu fil-qrib.

Intqal li CABS irċieva numru ta’ telefonati mill-pubbliku li jħossu urtat mill-ħoss għax jisimgħuh anke minn djarhom f’Buġibba, ir-Rabat, il-Mellieħa, is-Siġġiewi, Birżebbuġa u l-Manikanta.