Lokali
Ċans li festival li jattira attenzjoni internazzjonali jirritorna Malta

Il-Malta Philharmonic Orchestra qatgħet figura tajba bi tliet kunċerti li tat din il-ġimgħa f’Dubaj, f’wieħed minnhom bis-sehem tat-tenur ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja. Il-kunċerti kienu parti mill-programm tal-festival ta’ mużika klassika InClassica, li twieled Malta u l-Ministru għall-Kultura wiegħed li se jirsisti biex sena oħra jerġa’ jirritorna hawnhekk.

Il-Malta Philharmonic Orchestra tinsab lura Malta wara li fil-jiem li għaddew tat tliet kunċerti ta’ livell għoli f’Dubaj waqt l-InClassica International Music Festival – festival li beda f’Malta 10 snin ilu mill-fondazzjoni Maltija: European Foundation for Support of Culture.

Għall-ewwel darba din is-sena, minħabba r-restrizzjonijiet biex irażżnu l-imxija tal-Covid-19, il-festival ma setax jiġi organizzat f’Malta.

F’turija ta’ appoġġ għall-orkestra waqt dan il-festival prestiġjuż ta’ mużika klassika, preżenti f’Dubaj il-Ministru għall-Kultura, José Herrera. Hu ddeskriva l-Malta Philharmonic Orchestra bħala entità fil-qasam kulturali li għandha livell għoli u tagħmel ġieħ lill-pajjiż. Wera l-fehma li l-istrateġija li l-orkestra toħroġ mill-pajjiż u sservi bħala ambaxxatur kulturali ta’ Malta qed taħdem u tattira attenzjoni.

“Din hija xi ħaġa li tattira ħafna lit-turisti. Jiġifieri l-preżenza tagħna hawnhekk tagħmel ħafna ġid lill-pajjiż għax qed isservi ta’ għodda biex aħna nattiraw it-turisti lejn Malta.”

Spjega għaliex ladarba l-festival ma setax isir f’Malta, Dubaj kien post ideali.

“L-ewwel nett għax hawn it-trade expo li qed issir hawnhekk u dan jattira attenzjoni internazzjonali. It-tieni nett Dubai huwa pajjiż kożmopolitan ħafna…hawn mal-200 ġens ta’ nies li jgħixu hawnhekk.”

Mal-orkestra daqqew solisti ta’ fama internazzjonali u f’kunċert minnhom akkumpanjat lit-tenur Malti Joseph Calleja. Il-Ministru Herrera qal li se jaħdem biex dan il-festival, mis-sena d-dieħla jirritorna f’Malta.

“Se nagħmel pressjoni fuq il-Gvern għaliex dan huwa festival li jattira attenzjoni internazzjonali. Stajt tara first hand kemm kien hawn ġurnalisti ta’ diversi gazzetti u stazzjonijiet tat-televiżjoni minn madwar id-dinja kollha.”

L-InClassica International Music Festival jintemm fis-26 ta’ Settembru.