Unjoni Ewropea
Ċans li ssemma’ leħnek fuq il-fondi Ewropej għal Malta sal-2027

Varat id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar tlett fondi Ewropej għal Malta bejn din is-sena u s-sena 2027 b’total ta’ kważi biljun ewro. Dawn il-fondi – ta’ koeżjoni, għal tranżizzjoni ġusta u għall-iżvilupp reġjonali – jagħmlu parti mill-pakkett totali ta’ elfejn u mitejn u sebghin miljun ewro li kisbet Malta għas-snin bejn 2021 u 2027.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika l-Gvern imur bil-proposti tiegħu quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex fil-pajjiż jitwettqu proġetti strumentali għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, kemm mill-lat ekonomiku, mill-lat ambjentali, u żvilupp sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, vara dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-fondi Ewropej għal Malta bejn din is-sena u s-sena 2027, b’total ta’ €971 miljun.

Huwa spjega li dan id-dokument jitratta l-fondi mill-fond ta’ koeżjoni, mill-fond ta’ tranżizzjoni ġusta, u l-fond għal żvilupp reġjonali.

Spjega li d-dokument ġie mqassam f’sitt prioritajiet, li huma t-trawwim tal-kompetittività għall-ekonomija diġitali, b’total ta’ €207 miljun, enerġija ħadra u sostennibiltà f’mobbiltà urbana, b’total ta’ €469 miljun, il-konnettività bit-trasport b’total ta’ €52 miljun, soċjetà inklussiva b’total ta’ €150 miljun, sostennibiltà f’Għawdex, b’total ta’ €60 miljun, u s-sitt prijorità hija n-netwtralità klimatika, b’total ta’ €33 miljun.

“L-iskop hu biex wieħed jippreżenta l-prioritajiet, irridu l-feedback kemm ta’ korpi kostitwiti u tal-pubbliku inġenerali, għal ħsibijiet oħra biex isiru diskussonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u jagħmel dawn in-nefqiet,” qal Dr Zrinzo Azzopardi.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li wara li jintemm dan il-proċess, isiru l-investimenti fil-pajjiż. Spjega li fost uħud mill-investimenti li huma parti minn dawn il-fondi Ewropej hemm dak ta’ Shore to Ship fil-Port il-Kbir u proġett simili fil-Port Ħieles; bini ta’ sptar ġdid għal mard mentali akut u dak tal-pedjatrija, filwaqt li mill-proposti li jsiru wieħed jara x’hemm iktar proġetti proposti, biex wara jibda jitwettaq l-investiment fil-pajjiż.

Huwa qal li 10% tal-fondi ta’ koeżjoni u dawk agrikoli se jmorru għal Għawdex, bil-għan li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ Għawdex u jinfetħu iktar opportunitajiet għal żvilupp sostenibbli f’din il-gżira.

Dr Zrinzo Azzopardi spjega li l-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għall-pubbliku sat-8 ta’ Ottubru li ġej, u min huwa interessat li jibgħat il-proposti jista’ jagħmel dan permezz ta’ [email protected], b’iktar informazzjoni hija aċċessibbli fuq www.eufunds.gov.mt