Ċans ta’ darba biex tirregolarizza xi ħaġa irregolari fid-dar

Tħabbret skema oħra mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun jista’ jiġi regolarizzat żvilupp li sar bla permess. Dan se jsir b’tariffa li tvarja skont id-daqs tal-iżvilupp u kemm-il darba l-permess ikun jista’ jingħata skont ir-regolamenti eżistenti.

Fit-tnedija tal-iskema li se tibqa’ miftuħa għal sentejn, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri insistiet li l-ebda żvilupp illegali f’żoni ‘l barra mill-konfini tal-iżvilupp mhu se jkun regolarizzat bil-permessi b’din l-iskema.

L-Awtorità tal-Ippjanar se tagħti opportunità ta’ darba lis-sidien ta’ propjetajiet li għal xi raġuni mhumiex konformi mal-liġi biex jirregolarizzaw ruħhom b’tariffa skont kull każ.

Ir-regolamenti jipprovdu biex żvilupp illegal, bini jew parti minn bini, li jinsab fil-konfini tal-iżvilupp jista’ jingħata permess jekk ma jkunx ta’ detriment għall-ambjent u jekk l-iżvilupp li se jiġi regolarizzat ikun skont ir-regoli tal-ippjanar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Butiġieg qal li l-illegalità tista’ tvarja minn sempliċi qies ta’ għoli fuq ġewwa sa waħda aktar kumplessa.

Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li permezz tar-regoli l-ġodda s-sidien se jingħataw permess u mhux konċessjoni jew amnestija. Spjegat li dawn ir-regoli se jibqgħu fis-seħħ għal sentejn u japplikaw biss għall-bini li nbena qabel ma din is-sena ttieħdu r-ritratti apposta mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Dr Schembri saħqet li l-bini jrid ikun fiż-żona tal-iżvilupp biex jigi regolarizzat. Spjegat li fil-pajjiż kien hawn l-atmosfera li kulħadd seta’ jibni kif irid u li mil-lum ‘il quddiem mhux se jkun tollerat li jinbena bini mingħajr il-permessi meħtieġa u skont ir-regoli stabbiliti.

Fil-konferenza stampa ntqal li kull applikazzjoni se tkun soġġetta għal ħlas, ikkalkolat fuq it-total tal-ispazju msaqqaf ta’ kull sular tal-propjetà li se tiġi rregolarizzata. Kull applikanti se jkunu obbligati wkoll iħallsu tariffa amministrattiva ta’ €50. Se jkun hemm ħlas addizzjonali ta’ 25% fuq l-applikazzjonijiet li se jiġu sottomessi wara l-iskandenza ta’ sentejn.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pieta’ tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Lokali

Mil-lum il-bdiewa li jkabbru l-patata bdew iħejju l-għelieqi tagħhom wara li fl-aħħar jiem għamlu l-kalkoli tat-telf li kellhom fl-aħħar sena minħabba r-riħ qawwi u s-silġ li niżel fil-grigalata ta’ tmiem…

Lokali

Fit-tmien ġimgħat tal-għasir tat-tadam, bejn Lulju u Awwissu se jiġu proċessati mas-sitt elef tunnellata tadam li jinġabru mingħand mitejn bidwi f’Malta u Għawdex. Fil-fabbrika tal-ikbar produttur fl-ipproċessar tat-tadam, jidħlu medja…

Aktar