Knisja Maltija
Ċans tajjeb li ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta titwal u tinfirex fuq jumejn

Id-deċiżjoni li l-Papa Franġisku jżur Għawdex għandha mnejn twassal biex iż-żjara titwal u minflok ġurnata waħda, tibda mis-Sibt 30 ta’ Mejju waranofsinhar u tintemm il-Ħadd 31 ta’ Mejju filgħaxija.

It-tħejjijiet għaż-żjara jirrankaw la darba tittieħed deċiżjoni finali fuq il-programm, ħaġa li mhux mistenni tieħu fit-tul. L-aħħar kelma hi tal-Vatikan, b’delegazzjoni minn Ruma ħalliet Malta llejla wara li ltaqa’ mal-awtoritajiet u żaret postijiet li qed ikunu kunsidrati biex jiġu inklużi fil-programm. Sorsi qalu li fit-tifsila tal-programm qed jingħata kas li l-poplu Malti jkollu diversi opportunitajiet li jkun viċin tal-Papa.

L-organizzatur tal-vjaġġi tal-Papa, Monsinjur Mauricio Rueda, irritorna Ruma wara li mexxa delegazzjoni li fit-tliet ijiem li għaddew żaret diversi postijiet f’Malta u f’Għawdex u ġabret tagħrif biex biex tiffissa l-programm finali taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta.

Id-deċiżjoni mħabbra diġà li l-Papa jmur ukoll Għawdex ippreżentat għadd ta’ sfidi loġistiċi li qed jagħmluha kważi impossibbli li din il-waqfa sseħħ waqt żjara ta’ ġurnata, kif tħabbar oriġinarjament. Sorsi qalu li d-delegazzjoni fehmet li għandha jdejha marbuta kemm tista’ tinkludi ż-żjarat kollha f’ġurnata, anke meta kkunsidrat il-possibbiltà li l-vjaġġ minn u lejn Għawdex isir b’ħelikopter.

TVM jinsab infurmat li d-delegazzjoni wara li qieset il-possibilitajiet kollha, mistennija tipproponi li ż-żjara tinqasam fuq jumejn: tibda s-Sibt waranofsinhar u tintemm il-Ħadd filgħaxija. F’dik l-eventwalità, iż-żjara tal-Papa f’Għawdex mistennija ssir is-Sibt filgħaxija wara li l-Papa jkun intlaqa’ mill-ogħla awtoritajiet tal-istat u l-gvern fil-Palazz tal-President, il-Belt.

Fil-wesgħa quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fil-limiti tal-Għarb, hu maħsub li l-Papa jmexxi t-talb tal-ewwel għasar tal-festa ta’ Pentecoste, li fil-kalendarju liturġiku hi festa importanti ħafna għall-Knisja. Wara, il-Papa mistenni jidħol fis-santwarju jitlob quddiem il-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu. Jekk iż-żjara tal-Papa f’Ta’ Pinu issir is-Sibt 30 ta’ Mejju, din taħbat eżatt fil-ġurnata ta’ għeluq il-mitt sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tas-Santwarju kif nafuh illum. Jidher li l-Isqfijiet insistew li l-Papa jmur Ta’ Pinu għax iridu li ż-żjara titqiegħed taħt il-ħarsien tal-Madonna bi stedina lill-insara biex permezz tagħha jersqu lejn Ġesu’.

Bil-Papa se joqgħod fin-Nunzjatura Appostolika f’Tal-Virtù, l-appuntament ewlieni tal-Ħadd se tkun iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fuq il-Fosos tal-Floriana. B’rabta mat-tema magħżula, mir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fl-Atti tal-Appostli: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”, il-Ħadd waranofsinhar qed ikunu proposti żewġ mumenti: żjara fil-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, il-post fejn skont it-tradizzjoni San Pawl għex fit-tliet xhur li dam Malta, u fuq xewqa tal-Papa Franġisku żjara f’post li jilqa’ immigranti.

Waqt li l-programm uffiċjali mistenni jitħabbar dalwaqt, TVM jinsab infurmat li t-tħejjijiet bdew sew tant li fil-laqgħat ma’ uffiċjali tal-Vatikan, apparti rappreżentanti tal-Knisja f’Malta ħadu sehem uffiċjali għolja tal-gvern inkarigati minn aspetti tal-organizazzjoni bħall-Uffiċċju tal-Protokoll, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata u entitajiet oħra.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun iddixiplinat u jsegwi l-pariri tal-esperti mediċi biss. Fi stqarrrija l-MAM esprimiet tħassib dwar il-proposti tal-Prim Ministru li qalet huma mingħajr bażi…

Kultura

Ir-restawr fuq l-ikbar esebit fil-Mużew Marittimu lest. Il-Pulena, li għamlet żmienha fuq il-pruwa tal-HMS Hibernia, reġgħet lura għall-glorja tagħha. Għalissa fis-skiet għaliex il-pandemija għalqet il-bibien tal-mużewijiet, imma la jerġgħu jiftħu…

Stejjer Umani

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni…

Aktar