Cardona: il-baġit huwa impenn ċar u qawwi favur soċjetà aktar ġusta

Il-Partit Laburista qal li l-budget għas-sena d-dieħla huwa l-aktar budget soċjali fl-aħħar 25 sena u sar għax il-pajjiż qed jagħmel suċċess.

Permezz tad-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit Chris Cardona, id-deputat Silvio Parnis u s-Segretarja Eżekuttiva Lydia Abela, il-Partit Laburista qal li l-miżuri tal-budget juru l-għeruq soċjali demokratiċi tal-Partit Laburista li dejjem ħadem għal soċjetà ġusta. Dr Cardona qal li r-reazzjoni tal-Kap tal-oppożizzjoni għall-budget turi li huwa negattiv, inkonsistenti u bitter.

Dr Cardona qal li dan il-budget ikkonferma r-road map tal-Partit Laburista li saħħaħ l-ekonomija u issa qed jara li l-ġid jilħaq lil kulħadd. Il-kelliema Laburisti qalu li dan jista’ jsir għax il-Gvern rażżan id-defiċit u kabbar l-ekonomija. Qalu li m’huwiex minnu li r-taxpayer se jħallas għaż-żidiet tal-benefiċċji u sostnew li dawn jistgħu jsiru għax l-ekonomija qed tikber grazzi għall-fiduċja li qed tintwera fil-Gvern bl-investiment dirett barrani.

Dwar is-sussidju fuq il-kirjiet, Dr Cardona qal li s-suq jibqa’ jiddetta l-prezzijiet tal-propjetà iżda l-Gvern se jagħti għajnuna lil dawk li verament huma fil-bżonn biex ma jaqgħux lura fil-kwalità ta’ għajxien tagħhom.