COVID-19
Care Malta ssaħħaħ il-miżuri ta’ prevenzjoni biex tipproteġi lir-residenti anzjani

Il-kumpanija Care Malta avżat li fid-dawl tal-iżviluppi dwar l-imxija tal-Covid-19 fi djar tal-anzjani, minn għada t-Tnejn 14 ta’ Settembru, hi se tkun qed isaħħaħ il-miżuri preventivi biex tkompli ssaħħaħ is-sigurtà tar-residenti fid-djar tagħha.

Id-djar li tieħu ħsieb Care Malta huma: Casa Arkati fil-Mosta, Villa Messina fir-Rabat, Roseville f’Ħ’Attard, Casa San Paolo f’Buġibba, Casa Marija f’Tas-Sliema, Cospicua Home f’Bormla, Mellieħa Home fil-Mellieħa, Zammit Clapp fil-Gżira u Żejtun Home fiż-Żejtun.

Fuq Facebook, Care Malta qalet li ż-żjarat mill-qraba tar-residenti u mis-servizzi tal-emerġenza mhux se jiġu affettwati iżda r-residenti f’dawn id-djar mhux se jitħallew imorru ‘l hemm u ‘l hawn fir-residenza u jibqgħu fis-sular fejn jgħixu huma. Anki l-attivitajiet għalihom se jsirulhom fis-sular fejn jgħixu.

Fl-aħħar jiem il-każijiet ġodda ta’ Covid-19 fid-djar tal-anzjani żdiedu, bis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tgħid li f’ġimgħa waħda biss, sa nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru 2020, kien hemm 33 każ li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus.

Ara wkoll:

47 każ pożittiv fi 3 djar tal-anzjani – 38 minnhom residenti