Qorti
AĠĠORNAT: Carer mixli li abbuża sesswalment residenta f’dar tal-anzjani fil-Mosta

Carer ta’ 53 sena kien mixli li abbuża sesswalment minn anzjana ta’ 69 sena fid-dar tal-anzjani Central Home fil-Mosta.

Il-carer, Goran Pantelic mis-Serbja, kien mixli b’penetrazzjoni ta’ natura sesswali fuq persuna vulnerabbli li ma setgħetx tiddefendi lilha nnifisha minħabba marda tal-ġisem jew tal-moħħ, kif ukoll li għamel ħsara fil-ġisem tal-istess persuna u kkawżalha wġigħ fiżiku u mentali.

Pantelic, li ilu tliet snin jaħdem f’Malta, allega li dak li għamel, għamlu bil-kunsens tal-vittma, u ċaħad l-akkużi għal dan ir-reat li allegatament seħħ fl-14 ta’ Mejju li għadda. Huwa nżamm arrestat.

Jidher li l-każ ġie rrapportat lill-Pulizija mill-amministrazzjoni tad-dar wara li żewġ carers oħra sabu d-demm mal-lożor tal-anzjana, u meta staqsewha dwaru, qaltilhom x’kien ġara.

TVM infurmat li l-carer tkeċċa mill-amministrazzjoni tad-dar meta din ġiet infurmata bil-każ.