Solidarjetà
Caritas Malta b’kontejner mimli prodotti tal-ikel għall-familji l-aktar fil-bżonn

Il-Caritas se tqassam kontejner mimli ikel li għadha kif irċeviet b’donazzjoni biex tgħin lil kważi 600 familja li qed jiddependu mill-providenza speċjalment minħabba effetti tal-pandemija.

Caritas Malta rċeviet kontejner ieħor ta’ erbgħin pied minn Sqallija mimli prodotti tal-ikel li se jingħataw lil familji l-aktar fil-bżonn, speċjalment minħabba l-pandemija tal-Covid.

Albert Debono minn Caritas spjega li fil-mument għandhom talbiet għall-għajnuna mingħand 470 familja f’Malta u 120 familja f’Għawdex.

”Diġà għandna proċess għaddej fejn il-parroċċi u l-entitajiet li jgħinu lil dawn il-familji qed jitolbuna s-sehem tagħhom skont kemm jgħinu familji u aħna fi żmien ġimagħtejn inkunu xerridna l-ikel biex imbagħad mill-parroċċa u l-entitajiet jitqassam lill-familji nfushom lijkunu f’kuntatt magħhom ġieli mhux biss għall-ikel imma għal sitwazzjonijiet oħrajn.”

Is-Sur Debono qal li minbarra l-parroċċi, il-Millenium Chapel, il-Fondazzjoni Jean Antide, l-Istitut Paolo Freire, il-Fondazzjoni Sebħ, u s-Segretarjat Assistenza Soċjali huma ta’ spalla għal dawl l-aktar batuti fil-komunità . . . li ħafna drabi ma jidhrux.

Huwa rrimarka li fl-aħħar xhur żdiedet id-domanda tal-persuni li mhux ilaħħqu mal-ħajja.

Il-kontejner bl-ikel hu donazzjoni tal-kumpanija Virtu Ferries, it-tieni wieħed mindu bdiet il-pandemija f’ġest ta’ karità għall-familji l-aktar fil-bżonn.