Ċelebrazzjonijiet kbar li jfakkru l-200 sena mill-battalja ta’ Waterloo

Mitejn sena mill-Battalja ta’ Waterloo fil-Belġju, qed isiru ċelebrazzjonijiet kbar fl-Ingilterra u fi Franza biex ifakkru din il-ġrajja. Tifkiriet qed isiru wkoll f’pajjiżi oħrajn li 200 sena ilu kienu nvoluti f’din il-battalja bħall-Olanda u l-Ġermanja. Fit-tifsila tal-Ewropa ta’ dak iż-żmien kienet implikata wkoll Malta.

Kien fit-18 ta’ Ġunju tal-1815, sewwa sew 200 sena ilu, li Napuljun tilef il-battalja f’Waterloo wara l-invażjoni fil-Belġju. Id-Duka ta’ Wellington bl-armata ta’ truppi Ingliżi, Olandiżi, Ġermaniżi u Belġjani, kien irnexxielu jegħleb lill-Imperatur Franċiż.

Kienet battalja li naqqxet il-mappa Ewropea u sa ċertu punt iddeċidiet il-futur ta’ żewġ mexxejja kbar Ewropej – Wellington, li sar Prim Ministru b’karriera politika brillanti, u Napuljun.

Ir-riċerkatur tal-istorja ta’ Napuljun, Dr Charles Xuereb qal li kien Wellington stess li għażel li jlaqqam il-battalja bħala ta’ Waterloo.

“Għamilha Waterloo kontra r-rieda ta’ kulħadd, għamel kjass kbir minnha, PR enormi minnha, mentri Napuljun spiċċa priġunier,” qal ir-riċerkatur Charles Xuereb.

Dr Xuereb huwa tal-fehma, li minkejja li l-Ingliżi u l-alleati tagħhom rebħu Waterloo, 200 sena wara Napuljun baqa’ figura importanti fl-istorja. Qal li dan jispikka f’mużew ġdid li għadu kif ġie inawgurat fil-post fejn saret l-aħħar battalja ta Waterloo.

“Nefqu €38 miljun, qed jistennew li jdawru nofs miljun viżitaturi din is-sena, hemm mużewijiet oħra imma dan il-ġdid tista’ tgħid għamluh prattikament għal Napuljun. Indunaw li Napuljun jiġbed in-nies,” qal Dr Charles Xuereb.

Wara l-battalja ta’ Napuljun, il-mappa tal-Ewropa dak iż-żmien ġiet deċiża bil-kungress ta’ Vjenna, inkluż id-destin ta’ Malta.

“Meta kienu qed jiltaqgħu fil-Kungress ta’ Vjenna, ikkonfermaw id-deċiżjoni li ħadu f’Pariġi fl-1814, meta kien mingħalihom li Napuljun kien spiċċa, u aħna l-Belt għandna din il-plakka famuża fuq il-Main Guard quddiem il-Palazz, li tfakkarna meta l-vuċi Ewropea u l-imħabba tal-Maltin, din l-imħabba tal-Maltin togħkorni, ħarġet id-deċiżjoni li Malta tgħaddi għand il-Gran Brittanja,” qal ir-riċerkatur Charles Xuereb.

Filwaqt li fl-Ingilterra l-familja Rjali fakkret 200 anniversarju ta Waterloo, l-aqwa taċ-ċelebrazzjonijiet saru fil-Belġju.