Politika
Ċens temporanju fuq post kummerċjali issa jista’ jiġġedded qabel ma jagħlaq

Mal-200 propjetà jew art tal-Gvern li tinsab fuq ċens temporanju li jiskadi mhux inqas minn 5 snin oħra, jista’ jkollha ċ-ċens temporanju imġedded sa 65 sena oħra. Avviż legali għandu l-għan li jneħħi xkiel għall-investiment minħabba iż-żmien qasir li fadal fuq iċ-ċens tal-art. Jesiġi wkoll li l-art tingħata jekk il-proġett jirrendi lill-ekonomija tal-pajjiż u jwassal għal żieda fl-impiegi.

Skont il-liġi, ċens temporanju fuq fond kummerċjali jista’ jiġġedded biss meta jagħlaq. Madanakollu, avviż legali li daħal fis-seħħ minn din il-ġimgħa se jwassal biex dawk li għandhom art jew propjetà tal-Gvern mogħtija b’ċens kummercjali li jiskadi mill-bidu ta’ Settembru ta’ ħames snin oħra jistgħu japplikaw biex jinbidel iċ-ċens. Il-kap eżekuttiv tal-awtorità tal-artijiet James Piscopo qal li dan se jsir permezz ta’ kuntratt ġdid ta’ ċens temporanju sa massimu ta’ 65 sena.

Is-Sur Piscopo qal li l-għan wara dan l-avviż legali hu biex jiżblokkaw sitwazzjoni fejn persuni jonqsu milli jagħmlu investiment għax iċ-ċens ikun qasir wisq. Qal li dan qed iwassal għal inċertezza għan-negozji, nuqqas ta’ għajnuna mill-bank, u propjetajiet tal-Gvern li jitħallew jiddeterjoraw.

Skond l-avviż legali, l-art tingħata mill-Awtorità jekk proġett kummerċjali jirrendix lill-ekonomija tal-pajjiż u li n-numru ta’ impiegi li joħloq huwa adegwat. Dawk li jridu jġeddu jridu jippreżentaw pjan tan-negozju dettaljat, ġustifikazzjoni li turi li l-proġett hu vijabbli, prova li m’hemmx arretrati ta’ ħlas ta’ ċens, stima ta’ valur tal-art ġdida u ħlas ta’ €1,000 mal-applikazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet, Chris Agius, qal li l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu mill-5 t’ Ottubru. “Jekk l-awtorità taqbel mal-investiment, inressqulha quddiem il-kumitat tal-verfiika biex ikun il-Parlament li japprova l-investiment ġdid. Aħna qed ngħidu li ċ-ċens jitwal għal 65 sena b’kundizzjonijiet u ċens li jkun attwali għaż-żminijiet.”

Il-Ministru Ian Borg qal l-kummerċ huwa parti essenzjali mis-sinsla tal-ekonomija u l-gvern impenjat li jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu biex in-negozjanti jkomplu jiksbu s-suċċess mill-investimenti li jkunu għamlu matul is-snin.