Lokali
“Ċensu l-Oranġjo” jixhed li ma rax lil min sparalu f’wiċċu – Sultana jingħata l-ħelsien mill-arrest

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Ryan Sultana, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Iklin li jinsab mixli li spara tliet tiri u li darab gravi lil Vincent Xuereb ta’ 55 sena min-Naxxar.

Xuereb magħruf bħala Ċensu l-Oranġjo xehed li ma ra lil ħadd jisparalu b’arma tan-nar u ma jafx minn fejn ġew it-tiri. Huwa ntlaqat b’diversi tiri ta’ arma tan-nar wara allegat argument li seħħ bejnu u l-akkużat b’rabta ma’ każ ta’ frodi.

Fis-seduta ta’ dalgħodu ħareġ ukoll li ż-żewġt irġiel kienu jafu lil xulxin. Ingħad li Xuereb kien jieħu lill-akkużat biex jara l-psikjatra tiegħu.

Il-vittma xehed li dakinhar tal-isparatura, ħareġ mill-karozza b’pompa f’idejh biex ipejjep sigarett. Qal li kulma jiftakar hu li xi ħadd sparalu, iżda la sema’ t-tiri u lanqas minn fejn kienu ġejjin.

Mistoqsi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ma jafx meta t-tiri laqtuh f’wiċċu, huwa baqa’ jisħaq li ma jafx.

Fis-seduta xehed ukoll in-nannu tal-akkużat. Huwa qal li wasal fuq ix-xena tad-delitt wara l-pulizija u rahom ikellmu liż-żewġt irġiel. Xehed li r-raġel kellu bosta problemi ma’ ħafna nies u dejjem kien jittallab għall-flus.

Sultana ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffima l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.