Kultura
Central Link – Qabar Puniku-Ruman se jitpoġġa fil-ġenb tat-triq

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku, f’nofs il-proġett Central Link, se titħares u titgawda mill-pubbliku. Il-ħidma li se ssir hi l-ewwel waħda tax-xorta f’Malta li tinvolvi ċ-ċaqliq b’mod sħiħ ta’ sejba arkeoloġika mirduma fil-blat u se tiswa aktar minn kwart ta’ miljun Ewro.

F’wiċċ ta’ blat mgħotti bil-ħamrija, ħaddiema tal-kuntratturi tal-proġett Central Link sabu qabar waqt li kienu qed iħaffru għall-pedamenti ta’ triq ġdida li qed issir fuq barra ta’ Ħ’Attard għall-vetturi li mill-Imrieħel ikunu sejrin lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta.

Infrastructure Malta spjegat li dan mhux l-ewwel fdal arkeoloġiku li nstab fil-proġett u f’ebda każ ma saret ħsara lill-fdalijiet minħabba l-metodi ta’ skavar li qed jintużaw. Taħt għajnejn arkeologi, u l-periti u t-tekniċi tal-aġenzija, il-ħaddiema qegħdin jikxfu u jnaddfu l-uċuh tal-blat mirduma b’għodda u metodi li ma jagħmlux ħsara lill-blat, mingħajr makkinarju kbir.

Il-Kap tal-Monitoraġġ tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Jonathan Borg, qal li f’dan il-każ l-arkeologi mill-ewwel għarfu li dawn huma fdalijiet ta’ qabar.

“Il-qabar hu tal-perjodu Puniku-Ruman. Jiġifieri bejn wieħed u ieħor tentattivament databbli għal qisu 4 sekli qabel Kristu. Ma nistghux inkunu aktar precizi f’dan il-kaz għax ma nstabitx materjali fih bħal fuħħar, li jgħinek aktar biex tiddata il-qabar.”

Is-Sur Borg qal li l-qabar mhux sħiħ, u fadal il-parti t’isfel, għax żmien twil ilu tqatta’ biex l-art ġiet ippreparata għall-agrikoltura jew minħabba xi attività ta’ barriera.

“Pero fadal biżżejjed mill-qabar biex wieħed jifhmu u jgawdih u allura għandu livell ta’ preservazzjoni pjuttost importanti. Għalhekk ittieħdet id-decizjoni li dan il-qabar jiġi salvagwardjat.”

Peress li l-qabar jinsab fin-nofs fejn ġejja t-triq, l-Inġinier Robert Schembri – Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta – spjega li l-aġenzija fasslet pjan ta’ azzjoni biex f’operazzjoni delikata taqla’ l-qabar sħiħ u tpoġġih mal-ġenb tat-triq il-ġdida fejn se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku.

“Se nħaffru żewġ metri ‘l isfel għax il-qabar fond metru, jiġifieri tiġi blokka ħoxna żewġ metri. Din jinqata’ mal-genb taghha b’makkinarju li ma jaghmilx hafna vibrations biex nippreservaw il-qabar. Imbagħad nimlew il-qabar b’expansion foam, speċi ta’ jablo biex nissudawh ftit. Naqtgħuh minn mal-kumplament tal-blat, jintrefa’ bi krejnijiet kbar, u npoġġuh ftit metri ‘l bogħod biex ikunu jistgħu jarawh in-nies.

Il-Kap tal-Monitoraġġ tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali spjega li f’dan il-qabar ma kienx possibbli li jsir bħalma sar f’sejbiet ta’ fdalijiet arkeoloġiċi oħra f’dan il-proġett, li ġew dokumenatati u fil-maġġoranza tagħhom preservati, fost oħrajn b’tibdil fil-livelli jew il-pjanti tat-triq.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Darryl Luke Borg ta’ 34 sena ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li nġurja lil ommu, kiser ordni ta’ protezzjoni mposta mill-Qorti sabiex ma jersaqx qrib…

COVID-19

Fl-aħħar 24 siegħa ħareġ każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 809 swab test. Dan huwa każ lokali li feġġ fil-komunità, bil-persuna infettata li ma kellhiex sintomi. Il-Ministeru għas-Saħħa…

Qorti

Annise Bejaoui ta’ 31 sena ntbagħat tliet snin u sitt xhur ħabs filwaqt li tilef garanzija personali ta’ €10,000 wara li nstab ħati ta’ tentattiv ta’ serq kif ukoll bi ħsara volontarja…

Turiżmu

Malta ġiet ippremjata b’ Connoisseur Circle Hospitality Award bħala l-aqwa destinazzjoni kulturali din is-sena. It-tim tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Ġermanja rċieva l-unur tal-Cultural Getaway of the Year 2020, bħala l-aħjar destinazzjoni…

Aktar