Lokali
Ċentri għall-għaddasa jirrappurtaw interess fl-inċentiv ta’ €100 għal kull barranin li jiġi jogħdos

L-inċentiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex barranin li jiġu Malta għal esperjenza bħala għaddasa jingħataw vawċer ta’ €100 jidher li ġġenerat interess ġmielu, b’għadd ta’ barranin diġà bbukkjaw ma’ ċentri li joffru scuba diving. TVM tkellem ma’ operaturi fl-industrija f’Għawdex fejn il-baħar mal-kosta tad-Dwejra hu seħer għal kull min iħobb id-dinja taħt wiċċ l-ilma. Stħarriġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fost turisti li jżuru Għawdex juri li 20% jagħmlu esperjenza bħala għaddasa.

Tliet ġimgħat minn meta l-Awtorità ħabbret inċentiv ta’ €100 vawċer għall-ewwel 7,500 turist li jibbukkjaw btala f’Malta u magħha jgħaqqdu esperjenza ta’ għaddasa, operaturi fl-industrija tal-iscuba diving qalu li kien hemm interess tajjeb mill-barranin.

Mark Busuttil, Sid ta’ ċentru għall-għaddasa qal “intlaqa’ tajjeb. Tinsiex li aħna għadna kemm għaddejna minn perjodu ikrah ħafna fejn ma tismax mingħandhom, ħadd ma jaf x’qed jagħmel l-Ewropa. F’daqqa waħda bdew ġejjin enquiries u bookings għall-ġimgħat li ġejjin. L-inċentiv kien pass tajjeb ħafna u ħa jgħinnha ħafna. Pjuttost hemm bżonn li nżidu iżjed għax 7,500 mhumiex ħafna, trid tqis l-eluf kbar li jiġu Għawdex u Malta.”

Mark Busuttil, operatur f’Għawdex, qal li diversi barranin li kienu bbukkjaw is-sena l-oħra u pposponew minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, ħadu l-opportunità mill-ewwel li jgawdu minn din l-għotja. Wera t-tama li l-obbligu ta’ kwarantina għall-Ingliżi ma jdumx ma jitneħħa.

“Tal-Ingilterra kienet naqra ta’ qata’ għax kulħadd stenna li l-Ingilterra se ddaħħalna fuq il-green list u għandna nies litteralment il-booking lesta, kemm jikkonfermawha, pero’ ma jaffordjawx jagħmlu kwarantina x’ħin imorru lura d-dar dawn u mattihomx tort. Allura litteralment reġgħu ipposponew id-deċiżjoni tagħhom sa meta Malta tiġi fuq il-green list. Nisperaw li tliet ġimgħat oħra l-ingilterra tpoġġina fuq il-green list u nikkonfermaw għax l-Ingliżi u l-Ġermaniżi u t-Taljani u l-Ewropej imxebbgħin id-dar, iridu jsiefru. Jiġifieri jista’ jagħti l-każ li avolja s-season jibda bil-mod ħafna jispiċċa tajjeb.”

Alessandro Barbieri, li ilu jgħallem u jassisti lill-għaddasa f’Għawdex aktar minn għaxar snin, qal li l-gżira hi mfittxija ħafna mill-għaddasa barranin, l-aktar minħabba attrazzjoni parikolari.

“For diving for sure the main attraction is Dwejra where the Azure window was. There are two of the best diving spots in Malta and Gozo, one of the the blue hall is one of the best dives in the world they say.”

Grazzi għat-temp, l-istaġun tal-iscuba diving jibqa’ għaddej sal-bidu ta’ Novembru. It-tama fost l-operaturi hi għalkemm il-bidu tal-istaġun ikun ftit kajman, bil-pandemija taħt kontroll ix-xogħol jaqbed sew u dan is-Sajf jinġabar.