Lokali
Ċentru edukattiv ġdid biex jgħallem lit-tfal dwar l-immaniġjar tal-iskart

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-WasteServ f’Wied il-Għajn se jinbidel f’ċentru interattiv biex it-tfal jitgħallmu dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari. Il-proġett għandu jkun lest f’anqas minn sena u hu stmat li se jiswa €2 miljun.

Beda l-proċess biex iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Wasteserv li jifforma parti mill-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn jinbidel f’ECOHIVE Academy fejn it-tfal jitgħallmu kif u għaliex għandu jiġi mmaniġjat l-iskart. Iċ-ċentru se jkollu żoni dedikati għall-erba’ impjanti ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart li se jiffurmaw parti mill-proġett ECOHIVE.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, qal li l-WasteServ trid tkun aktar proattiva fejn jidħol ir-rwol edukattiv tagħha dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Qal li l-għan taċ-ċentru hu li jgħin lit-tfal isiru aktar responsabbli anki għaliex huma l-aġenti tal-bidla u l-mexxejja ta’ għada.

“It-tender għal dan ix-xogħol diġà qiegħed fuq is-suq u għandu timeframe ta’ inqas minn 12-il xahar biex jitlestew ix-xogħlijiet kollha. Dan huwa proġett li għandna nibdew ingawdu l-frott tiegħu malajr u se jkun hawn esperjenza virtwali sabiħa li l-poplu Malti diġà esperjenza f’ċentri bħall-Esplora, bħal visitor’s centre taċ-Ċittadella Għawdex.”

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, qal li dan huwa investiment addizzjonali ta’ €2 miljun minn fondi Ewropej fil-qasam tal-iskart u se jkompli jibni fuq il-kampanja maħsuba lejn it-tfal li Wasteserv nediet aktar kmieni din is-sena permezz tas-sit ECOHIVE Kids.

“Kulħadd irid jagħmel l-isforz tiegħu biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem mill-familji li jridu jifhmu li l-iskart huwa sfida għall-pajjiż, kif ukoll mill-industrija u l-iskemi li jservu l-poplu, jservu l-Gvern, jservu l-familji għaliex ilkoll flimkien nistgħu verament nimxu lejn il-miri li għandna quddiemna.”

Il-Ministru Farrugia qal li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti mill-pjan tal-Gvern biex ibiddel mill-qiegħ l-immaniġġjar tal-iskart u biex il-pajjiż jimxi lejn ekonomija ċirkolari. Fakkar fil-ħidma li qed issir b’investiment ta’ 500 miljun ewro fl-Ecohive biex il-Magħtab ikollu erba’ impjanti għall-immaniġġjar tal-iskart fosthom dak magħruf bħala ‘waste to energy’ u fil-pjan fit-tul għal dan il-qasam. Żied li l-Gvern qed jieħu wkoll deċiżjonijiet iebsin fl-immaniġġjar tal-iskart u semma fost oħrajn li issa anki entitajiet kummerċjali huma obbligati jisseparaw l-iskart.