Saħħa
Ċentru ġdid għall-familji fil-bżonn f’Għawdex

Inawgurat f’Għawdex Ċentru għall-Familji fil-Komunità. Iċ-ċentru li jinsab f’Marsalforn se jservi biex jipprovdi għajnuna u appoġġ lil familji u persuni li jkollhom bżonn għajnuna soċjali.

Professjonisti fil-qasam soċjali ser ikunu qed jagħtu servizzi minn ċentru ġdid għall-Familja fil-Komunità li ġie inawgurat f’Marsalforn. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, qal li dan iċ-ċentru se jikkumplimenta ċentri oħra li diġà hemm f’Għawdex.

“Is-servizzi huma ntiżi biex ngħinu lil min għandu problemi fil-familja, fit-trobbija tat-tfal, problemi ta’ vjolenza domestika, anki problemi ta’ min ikun qed jaħseb biex ineħħi ħajtu.”

Id-direttur tal-fergħa tal-FSWS f’Għawdex, Monsinjur Joe Vella Gauci qal li kien f’loku li l-Fondazzjoni ssostni s-servizzi soċjali li toffri f’Għawdex.

“Mhux sempliċiment se noperaw mill-uffiċċju tax-Xewkija, imma issa għandna diversi lokalitajiet oħra imferxxin f’Għawdex u dan tal-lum inqisuh bħala post strateġiku.”

Enfasizza li s-servizzi soċjali jridu jilħqu lil persuni vulnerabbli fil-komunità stess. Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li jeħtieġ li l-gżira tilqa’ għar-realtajiet soċjali li qed jinbidlu.

“Jien persważa li se jkunu ħafna li se jirrikorru għas-servizzi ta’ dan iċ-ċentru li se jagħmel differenza fil-ħajja tagħhom.”

Qalet li dan huwa parti mill-proġett ta’ outreach biex jintlaħqu l-persuni u l-familji li għandhom bżonn l-ghajnuniet varji.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li s-servizzi soċjali jridu jkomplu jissaħħu biex jilqgħu għar-realtajiet tas-soċjetà tal-lum.

“Terz tan-nefqa tal-pajjiż tgħaddi minn Ministeru wieħed fil-qasam soċjali imma l-flus biss mhumiex biżżejjed. Irid ikollna impenn li nħallu marka pożittiva fis-soċjetà tagħna, huwa importanti li naħdmu flimkien anzi nagħmel appell biex il-professjonijiet kollha fil-qasam soċjal jaħdmu aktar flimkien għax flimkien nistgħu nagħtu riżultat aħjar.”

Żied jgħid li dan il-proġett hu xhieda ta’ Gvern li għandu ruħ soċjali.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fi żmien l-adolexxenza u fl-ewwel snin taż-żgħożija, kienet tevita li tieħu ritratti, għax saret tobgħod id-dehra tagħha. Dorothy Scicluna rrakkontat ma’ TVM kif kienet konxja li hija rqiqa aktar milli…

Sigurtà

L-interventi tal-lifeguards, li huma stazzjonati fil-bajjiet Maltin, huma kruċjali u ġieli jagħmlu d-differenza bejn ħajja u mewt. Żorna wħud mill-bajjiet Maltin u tkellimna mal-lifeguards dwar is-servizz li jagħtu. Il-ġurnata tipika…

Festi

Ħadd wara l-festa ta’ Santa Marija, illum ġew iċċelebrati tliet festi li jħaddnu elementi uniċi. TVM żar il-purċissjoni ta’ Santa Liena li ssir filgħodu, l-offerta għall-irfiegħ tal-istatwa ta’ Santa Marija…

Kronaka

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa…

Aktar