Ambjent
Ċentru ta’ Interpretazzjoni fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli ppremjat għat-tkattir ta’ għarfien pubbliku

Kumpanija lokali li tmexxi Ċentru ta’ Interpretazzjoni fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli ġiet ippremjata bl-Anders Wall Award, b’għarfien għall-kontribut li qed tagħti għall-ambjent rurali.

Iċ-ċentru rebaħ dan l-unur għas-sehem tiegħu biex ikattar l-għarfien lejn il-ħarsien tal-pajsaġġ rurali, il-patrimonju kulturali, il-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli.

L-irdum ta’ Ħad-Dingli hu wieħed mis-siti ta’ Natura 2000. Hu miżgħud bi pjanti, fjuri u arbuxelli li jikbru skont l-istaġun. F’mixja fuq l-irdum ma’ Sephora Sammut, impjegata taċ-ċentru ta’ interpretazzjoni The Cliffs u li tieħu ħsieb mixjiet f’din ix-xaqliba fil-Lbiċ ta’ Malta osservajna li dak li għal ħafna hu ħaxix ħażin, hu fil-fatt ħafna aktar minn hekk.

Sephora Sammut qalet li “hawnhekk għandna l-arbuxell tal-kappar. Fl-aħħar ta’ Mejju l-bidu ta’ Ġunju naraw ħafna nies speċjalment residenti jiġu jiġbru l-kappar qabel mal-fjura tiftaħ.”

Hemm ukoll ideat li mxew minn ġenerazzjoni għal oħra.

Sephora Sammut qalet li “bażikament dan hu għar ċkejken. L-istorja gustuża dwar l-għar hi li hemmhekk ħdejn l-għar hija siġra tat-tin. Bħala siġra hija siġra mejta pero fis-selvaġġ kull meta naraw siġra tat-tin dejjem naraw xi ħofra fil-blat jew xi għar.”

Qrib il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena nsibu l-famużi raddi misterjużi. Dawn huma speċi ta’ kanali mqatta’ fil-blat li ħadd ma jaf meta u għal xiex saru. Li hu żgur li dawn jinsabu f’madwar mitejn post f’Malta.

Sephora Sammut qalet li “ir-raġuni l-aktar valida li jaħsbu n-nies hi li kienu jintużaw biex jittrasportaw materjali bħal sistema ta’ roti, ikun hemm bagħal qed iġorr dawn ir-roti u bi żmien il-blat ittiekel.”

Sephora spjegat li parti mid-dħul li ċ-ċentu jagħmel imorru biex jiġu organizzati attivitajiet edukattivi bħal dawn il-mixjiet mingħajr ħlas.

Il-kontribut taċ-ċentru ta’ interpretazzjoni f’Ħad-Dingli biex jiżdied l-għarfien dwar il-flora u l-fawna ġie rikonoxxut bl-Anders Wall Environment Award. Dan il-premju ġie organizzat fil-Ġermanja mill-Anders Wall Foundation, b’kollaborazzjoni fost l-oħrajn mal-Kummissjoni Ewropea.

Iċ-ċentru ta’ interpretazzjoni twaqqaf seba’ snin ilu biex jinkoraġixxi lill-viżitaturi japprezzaw l-importanza naturali, storika u kulturali ta’ Ħad-Dingli.

Sephora Sammut qalet li “Mmta jiġu l-ewwel darba għall-mixjiet l-unika skop tagħhom li jaraw il-veduti – vera għandna veduti sbieħ – però meta jinnutaw l-ammont kbir ta’ fjuri b’ċertu użu importanti itihom perspettiva differenti taż-żona tal-madwar.”

Iċ-ċentru, spjegat Sephora Sammut, ifittex li fl-attivitajiet kollha tiegħu jqarreb il-bniedem lejn in-natura u għalhekk huwa msejjes fuq żvilupp sostenibbli li fihom jintużaw ir-riżorsi Dinglin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Botta u risposta bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u l-grupp Corinthia. Il-Partit Nazzjonalista qal li laqgħa Parlamentari biex tgħaddi art pubblika lill-Grupp Corinthia ġiet posposta għall-4 ta’…

Kronaka

Il-Pulizija qiegħda tfittex lil David Liniker Micallef li għandu 31 sena. Micallef, li fil-passat tressaq il-qorti u nstab ħati ta’ diversi reati, fosthom fuq droga u serq minn pompi tal-petrol,…

Lokali

Wara kważi ħamsin sena f’Malta, l-Astracast, fabbrika Ingliża li timmanifattura s-sinkijiet għalqet ħabta u sabta l-bibien tagħha possibilment minħabba diffikultajiet finanzjarji u ħalliet lil 35 ħaddiem tagħha lampa stampa. Il-General…

Aktar