Saħħa
Ċentru ta’ kontroll ġdid fl-Isptar Mater Dei se jqassar il-ħin għall-ewwel għajnuna bl-AI

Mill-1 ta’ Diċembru se jibda jopera ċentru ġdid tal-kontroll fl-Isptar Mater Dei għas-servizz 112 għall-emerġenzi tas-saħħa.

Waqt it-tnedija ta’ din il-faċilità l-ġdida, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li b’hekk se jitjieb il-ħin li fih jingħata r-rispons tas-servizzi tal-emerġenza.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri żied li l-pazjenti se jkunu lokalizzati bil-GPS.

Investiment ta’ €600,000 fiċ-ċentru tal-kontroll tal-isptar Mater Dei biex jiqsar il-ħin li fih tingħata l-ewwel għajnuna mis-servizzi tal-emerġenza u l-paramediċi jkollhom stampa iktar ċara ta’ dak li jkunu ser isibu fuq il-post.

Waqt it-tnedija tal-faċilita l-ġdida, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li t-titjib fil-ħin tar-rispons tal-emerġenza jaf jagħmel differenza ta’ ħajja u mewt.

“Huwa mgħammar b’sistemi ġodda ta’ Intelliġenza Artifiċjali li tista’ tfisser li tingħata kura qabel u riżultat ta’ saħħa aħjar. Per eżempju, b’kollabarazzjoni ma’ Transport Malta, iċ-ċentru in real time ikun jaf is-sitwazzjoni tat-traffiku mal-pajjiż”.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan iċ-ċentru ser ikun jista’ jillokalizza aħjar fejn ikun il-pazjent bl-użu tal-GPS.

“Ukoll il-fakultà li wieħed jibgħat ritratt mhux biss taż-żona iżda wkoll ta’ dak li qiegħed jara quddiemu biex min ikun qiegħed jirċievi r-ritratt ikun jista’ jevalwa s-sitwazzjoni, ikollu aktar informazzjonu ta’ x’hemm fuq il-post u jipprepara ‘l ħaddiema li jkunu ser jaslu fuq il-post biex ikunu jistgħu joffru l-aqwa servizz”.

Il-Ministru Fearne qal li biex is-servizz ikompli jitjieb fil-ġimgħat li ġejjin ser jiżdiedu 15-il ambulanza ġdida li ser ikunu mgħammra b’sistemi li jkunu jistgħu jiġu segwiti mill-isptar Mater Dei.

Dwar l-ammont ta’ telefonati fuq il-linja 112 qal li 70% tat-telfonati jingħaddu lil Mater Dei għal servizzi tal-emerġenza medika.

Fl-emerġenza ta’ Mater Dei ta’ kuljum jidħlu mat-350 persuna b’terz minnhom jitwasslu b’ambulanza.