Kisbiet
Charlayne Galea tirbaħ il-premju ħaddiem tas-sena fil-qasam turistiku f’Għawdex

Charlayne Galea, segretarja f’kumpanija tad-diving ibbażata x-Xlendi, rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fil-qasam tat-turiżmu mogħti mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu.

Matul is-serata ta’ premjazzjoni ġew rikonoxxuti l-aħwa Ġużeppi u George Said għall-kontribut u l-investimenti li għamlu fis-settur turistiku f’Għawdex, Daniel Cilia għall-promozzjoni t’Għawdex bil-pubblikazzjonijiet u l-fotografika u s-Sur Ivan Mifsud għall-impenn tiegħu favur is-settur tal-cruises lejn Għawdex.

Bħal Malta, Għawdex qed jaffaċċja sfida kbira biex jattira żgħażagħ Għawdxin jaħdmu fil-qasam turistiku.

Bil-ħsieb li jirrikonoxxi u jirringrazzja l-ħaddiema eżistenti u fl-istess waqt iqanqal oħrajn jippruvaw jidħlu f’din l-industrija, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu organizzat it-tnax-il edizzjoni tal-Gozo Tourism Awards u Charlayne Galea rebħet l-aktar unur presiġjuż tal-Ħaddiem tas-Sena. Hija ilha 18-il sena taħdem bħala Segretarja ma’ kumpanija tad-diving u l-kummenti pożittivi tat-turisti saħħru lill-membri tal-ġurija biex jippremjawha minn fost tmien finalisti.

“Jekk klijent ikollu xi problema nippruvaw ngħinuh biex nagħmlulu l-vaganza f’Għawdex sabiħa u li jieħu gost biha,” qalet Charlayne.

Il-premju tal-ħaddiem żagħżugħ tas-sena ntrebaħ minn Meghan Cauchi li taħdem bħala assistant reservations manager f’lukanda f’Għajnsielem, waqt li s-Sur Francis Azzopardi rebaħ il-premju tal-imprenditorja bil-kunċett tal-Calypso trackless trains. Iċ-Ċentru għall-edukazzjoni ambjentali fid-Dwejra rebaħ il-premju ta’ turiżmu kulturali u soċjali.

Matul is-serata ġew rikonoxxuti wkoll għadd ta’ persuni li jikkontribwixxu għas-settur turistiku Għawdxi, fosthom l-aħwa Ġużeppi u George Said li rebħu l-lifetime achievement għall-investimenti li għamlu f’lukandi u stabbilimenti tad-divertimenti. Ir-rikonoxximent speċjali ngħata lil Daniel Cili għall-fotografija u l-pubblikazzjonijiet li fihom jippromwovi lil Għawdex filwaqt li għall-ewwel darba ngħata l-unur lil persuna jew organizzazzjoni mhux Gaħwdxija li taħdem favur is-settur turistiku f’Għawdex. Dan ir-rikonoxximent ingħata lil Ivan Mifsud minn Mifsud Brothers li din is-sena se jġib il-mitt cruise liner lejn Għawdex.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA, Joe Muscat qal li Għawdex qed jaffaċċja kompetizzjoni kbira bħala destinazzjoni iżda bl-għajnuna ta’ programmi u inizjattivi kulturali, qed jirnexxilhom jegħlbuhom u l-prospetti għal din is-sena huma inkoraġġanti.

“Is-Settur turistiku Għawdxi qatt ma qata’ qalbu u nemmnu li għal din is-sena s-settur se jkun kapaċi jġib numri pożittivi għal din l-industrija,” qal is-Sur Muscat.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli, qalet li flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, se tfassal programmi u inizjattivi speċifiċi għat-tisħiħ tas-settur turistiku Għawdxi.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar