Lokali
Charles Polidano interrogat mill-Pulizija dwar theddid u revenge porn

Il-kuntrattur Charles Polidano magħruf bħala iċ-Ċaqnu ġie interrogat mill-pulizija s-Sibt waranofsinhar dwar allegat theddid, użu ta’ forza u revenge porn.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw ma’ tvm.com.mt li Polidano ġie arrestat fid-dar tiegħu u eskortat lejn id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali mmanettjat.

L-istess sorsi kkonfermaw li fi tfittxija li l-pulizija għamlet fid-dar tiegħu ġew elevati bosta oġġetti elettroniċi.

Hu mifhum li Polidano ġie arrestat wara li allegatament hedded mara qrib tiegħu. Il-każ qiegħed jiġi investigat ukoll mit-taqsima tal-vjolenza abażi tal-ġeneru.

Fl-aħħar xhur Polidano kien fl-aħbarijiet wara li ġie ordnat iħallas kont ta’ €40 miljun f’taxxi dovuti lill-kaxxa ta’ Malta li jmur lura għas-snin disgħin.