Lokali
Chick Corea: x’konnessjonijiet kellu l-ġenju mużikali ma’ Malta?

Chick Corea, il-leġġendarju tal-mużika jazz, l-artist versatili li sfida l-konvenzjonijiet mużikali b’interpretazzjonijiet ta’ kompożituri klassiċi bħal Mozart, għall-jazz latin u esperimentali u solos oriġinali, ikkollabora ma’ ġganti mużikali oħra bħal Miles Davis u rebaħ 23 Grammy Awards, miet b’kanċer rari fl-eta’ ta’ 79 sena.

Charles Gatt magħruf bħala c-City, li kien ġab lil Chick Corea f’Malta fl-1991 għall-ewwel edizzjoni tal-Malta Jazz Festival, iddeskriva l-karattru tiegħu modest u sinċier. Mas-snin bnew ħbiberija sinċiera tant li Charles kien iltaqa’ diversi drabi miegħu barra minn Malta biex jarah idoqq. B’sens ta’ nostalġija, Charles jirrakkonta kif Corea li kien diġà qed jikseb għarfien dinji għat-talenti tiegħu, kien mużiċista perfezzjonista tant li għall-wirja tiegħu f’Malta kellhom iġibulu pjanu minn Sqallija. Kien ukoll mużiċista li kien jipprattika l-ispontanjeta’ tal-jazz b’mod meqjus.

“Hu kien wieħed mill-iżjed organizzati anki mużikalment, il-mużiċisti tiegħu kienu jafu x’se jagħmlu kważi kien miktub ix-xoghol tagħhom minn qabel, jiġifieri mhux ma kienx spontanju imma kien spontanju organizzat kien perkussiv u allura kien sens latin ukoll sounth amerikan, fil-fatt għandu wieħed mill-albums tiegħu, My Spanish Heart ibbażat fuq mużika Spanjola jiġifieri hu kien ikollu kunċett jaħseb fuq dan il-kunċett jipplanjah u jqabbad il-mużiċisti li jdoqqu miegħu”.

SImon Grima iltaqa’ miegħu l-ewwel darba fl-1991 u anki waqt it-tieni żjara tiegħu f’Malta għall-edizzjoni tal-Jazz Festival tal-2018. Jiddeskrivi lil Corea bħala raġel umli li kien msaħħar mis-sbuħija ta’ Malta tant li waqt l-ewwel kunċert mix-xatt Ta’ Liesse fil-Belt kien qal li din kienet l-ewwel darba li stħajjlu qed idoqq f’kartolina sabiħa. Simon qal li Corea kien jagħti prijorità assoluta lill-kommunikazzjoni mal-udjenzi.

“Jien bqajt nistenna sakemm jerġa jiġi u kien qalli I have a question for you… qalli… Did i hit you man? With my Music? Għidtlu Chick… You did it agai…n u jien għalija dik kienet biżżjejjed biex jelevani u nirringrazzjah tal-mużika li tana… li Chick Corea se jibqa’ msemmi bħala wieħed mill-ikbar ikoni li kellha d-dinja fil-mużika jazz.”

Kienu diversi Maltin li iltaqgħu u ħadmu mill-qrib ma’ Corea meta kien Malta fosthom il-fotografu Joe Smith li iddeskrivih bħala ġenju mużikali li ħalla wirt imprezzabbli b’karriera ta’ iżjed minn ħamsin sena b’mużika li tibqa titfakkar milll-ġenerazzjonijiet futuri.