Politika
Chris Fearne u Robert Abela jaqblu li Konrad Mizzi ma jkunx fil-Kabinett u li l-Kummissarju tal-Pulizija jinbidel

Iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista: Chris Fearne u Robert Abela ddikjaraw li Konrad Mizzi mhux ser jkun fil-kabinett tagħhom għalkemm jibqa’ fil-grupp parlamentari Laburista. Intervistati fil-programm Dissett, Dr Fearne u Dr Abela qablu li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinbidel iżda ma qablux bejniethom li l-Kummissarju għandu jibda jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-kamra tad-deputati.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-Deputat Robert Abela intervistati separatament f’Dissett, waqt li rrikonexxew x-xogħol tajjeb li sar mill-pulizija, iddikjaraw li l-Kummissarju Lawrence Cutajar irid jinbidel. Dr Fearne żied jgħħid li hu jrid li l-Kummissarju jibda jinħatar bl-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-kamra tad-deputati, pożizzjoni li ma qabilx magħha Dr Abela.

Dr Fearne qal “nixtieq li l-kummissarju jkollu s-support wiesa’ mhux ikun il-kummissarju ta’ nofs il-pajjiż. Iva nemmen li l-kummissarju meta jiġi maħtur irid igawdi l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-kamra.”

Mill-banda l-oħra, Dr Abela stqarr li jneħħi l-Kummissarju għax mhux sodisfatt li ċerti rkejjen, li ma speċifikax x’inhuma, qal ma ġewx investigati. Madankollu qal li mhux prattiku li l-Kummissarju jinħatar b’żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati iżda l-ħatra ssir b’sejħa pubblika bl-iskrutinju tal-applikanti jsir minn kumitat parlamentari.

Dr Abela qal “fl-isfond ta’ riforma fil-korp huwa minn ewl id-dinja trid issir fil-kuntest li headship position tkun okkupata minn persuna ġdida però ma naħsibx li għandha tkun maħtura mid-duo terzi tal-kamra għax fiha wisq diffikultajiet biex tasal għaliha.”

Dwar Konrad Mizzi, Dr Abela qal li diġà infurmah li ma jistax ikun fil-kabinett imexxi minnu. “Meta tkellimt ma’ Konrad Mizzi għamilthielu ċara li f’kabinett imexxi minni inti m’għandikx post.”

Kemm Dr Abela u anke Dr Fearne qalu li mhux ser jeskluduh mill-grupp parlamentari.

Dr Fearne qal  “Konrad Mizzi għadu kif irreżenja mill-kabinett. Huwa ma jridx ikun fil-kabinett”.

Iż-żewġ kandidati stqarrew li jridu jissaħħu l-istituzzjonijiet. Dr Abela qal li mhux komdu kif ħadmu ċerti istituzzjonijiet filwaqt li Dr Fearne wiegħed iktar riżorsi lill-istituzzjonijiet fosthom ukoll l-FIAU u l-Awditur.

Dr Fearne qal “nibdew infasslu pjan immedjata biex fl-ewwel mitt ġurnata ta’ kif iridu nbidlu nsaħħu kif irridu nagħtu aktar riżorsi lill-istituzzjonijiet biex il-problema li għandna nsolvuha u nkunu ċerti li ma terġax tiġri.”

Dr Fearne qal li jrid ikun serju u dixxiplinat bħala Prim Ministru biex il-pajjiż jerġa’ jkollu r-rispett u r-reputazzjoni li tixraqlu. Dr Abela waqt li wiegħed riformi fejn hemm bżonn saħaq fuq element ta’ kontinwità fil-qasam ekonomiku”.

Dr Abela qal “jien naħseb għandna nkunu paġna ġdida fl-istess ktieb. Kien hemm nuqqasijiet kien hemm imma mhux ser imur inkisser dak li kellna biex nieħu preġju li ma jistħoqqx lili.”

Iż-żewġ kandidati intant għaddejin b’ħidma mal-madwar 15,000 elettur fi ħdan il-Partit Laburista li fil-11 ta’ Jannar ser jivvutaw biex wieħed minnhom ikun mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru ta’ Malta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istudenti tal-primarja u l-ġenituri tagħhom għandhom ċans isiru jafu iktar dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-industriji tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ expo li qed tiġi organizzata fl-Esplora fil-Kalkara. Fiċ-Ċentru…

Politika

F’konferenza stampa, il-Prim Ministru ħabbar metodu trasparenti u bi prinċipju bażiku fil-kuntest ta’ dak li pproponiet il-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li…

Lokali

Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ma sabet ebda prova ta’ korruzzjoni fi tliet każijiet li ntalbet tinvestiga u li r-rapporti finali tagħhom ġew ippreżentati fil-mejda tal-Kamra tad-Deputati. L-ewwel każ kien dwar…

Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta Parlamentari qal li prima facie hemm każ ta’ ksur ta’ privileġġ mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-konfront tad-Deputat Chris Cardona. Dr Cardona talab…

Aktar