Lokali
Chris Said u Adrian Delia jiffukaw fuq l-anzjani tul il-kampanja għal Kap tal-PN

Iż-żewġ aspiranti għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista: l-avukat Chris Said u l-avukat Adrian Delia komplew jappellaw lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista bi proposti li jridu jwettqu ladarba jirbħu l-elezzjoni tas-Sibt li ġej u eventalment l-Elezzjoni Ġenerali. Iż-żewġ kandidati llum tkellmu dwar il-proposti tagħhom għall-anzjani u l-pensjonanti.

Sadanittant kompla l-ġbir tal-voti mit-tesserati, b’kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li s’issa nġabru aktar minn 12,500 vot għal din l-elezzjoni li fiha għall-ewwel darba ser jivvutaw it-tesserati.

Fl-aħħar tliet ijiem tal-kampanja ghall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat l-avukat Chris Said qal f’Tas-Sliema li jekk jingħata l-privileġġ li jkun Kap, l-anzjani u l-pensjonanti jkunu fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. Qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni se jaħdem biex jidħlu inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Semma fost oħrajn li se jipproponi kumpens finanzjarju lin-nanniet li jieħdu ħsieb lin-neputijiet.

Dr Said qal li bih fit-tmexxija, l-anzjani se jkollhom sehem importanti fl-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li ħadd mit-tim tiegħu mhu fil-mażunerija u jekk jinstab li xi ħadd hu msieħeb f’għaqda sigrieta jkeċċih minnufih. Żied jgħid li hu bħala Kap mhux se jkun ta’ piż fuq il-Partit għax l-integrità tiegħu qatt ma ġiet mittiefsa.

L-anzjani kienu wkoll fl-aġenda tal-aspirant l-ieħor għal Kap, l-avukat Adrian Delia li qal li l-anzjani għandu jkollhom serħan il-moħħ li għandhom biżżejjed flus biex jgħixu.

Qal li Malta għandha popolazzjoni li qed tgħix aktar u għalhekk jeħtieġ li l-anzjani ma jgħixux aktar biss, imma jkollhom ħajja aħjar b’dinjità. Dr Delia qal li l-anzjani għandhom jibqgħu attivi billi fost oħrajn jingħataw għajnuna biex jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Dr Delia qal li għandhom jinstabu mezzi biex l-anzjani jaqsmu l-esperjenzi tagħhom maż-żgħażagħ li fi kliemu għandhom ħafna x’jitgħallmu mingħandhom. Dwar il-kwistjoni ta’ tesserati għal għomorhom li mhux se jitħallew jivvutaw fl-elezzjoni tas-Sibt, Dr Delia qal li dawn għandhom jiġu ttrattati bl-akbar rispett. Madankollu, qal li hija komuni li jsiru żbalji umani u qal li diġà informa lill-Partit Nazzjonalista biex tiġi aġġornata s-sistema tat-tesserati.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istrapazz għal statwa waqt li tinġarr fuq l-ispalla f’jum il-festa, u l-varjazzjoni kbira tal-umdità fin-niċċa tagħha wasslu biex fix-xhur li għaddew saru interventi ta’ konservazzjoni fuq l-istatwa ta’ Santa Marija…

Lokali

Fi żmien tletin sena, mistennija jirduppjaw il-persuni bid-dimensja. Quddiem din l-isfida, il-Gvern waqqaf kumitat nazzjonali ta’ ħidma dwar id-dimensja. F’Malta hawn aktar minn 6,000 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Dan…

Lokali

Il-Kamra tad-Deputati kellha dibattitu ta’ sagħtejn u nofs mingħajr ma ttieħed vot dwar it-titjib tas-servizzi tas-saħħa li ffoka fuq il-kuntratt tal-Gvern mal-VGH għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-Gvern, tnejn f’Malta u…

Lokali

Erba’ spettakli, b’attivitajiet kulturali distinti, ser jimmarkaw il-bidu uffiċċjali tal-Belt Valletta bħala l-kapitali Ewropea tal-Kultura. It-tħejjijiet jinsabu fl-aqwa tagħhom għalkemm l-organizzaturi qegħdin iżommu pass lura u jħallu s-sorpriżi għas-Sibt li…

Aktar