Barranin
Christian Eriksen b’ħajr lil min awguralu – jgħid li jinsab “tajjeb” mill-isptar

Il-plejer Daniż Christian Eriksen ta ħajr lil miljun ta’ nies madwar id-dinja li awgurawlu fejqan ta’ malajr fl-ewwel post li tella’ fuq il-midja soċjali mindu ġarrab attakk tal-qalb s-Sibt li għadda waqt il-logħba kontra l-Finlandja tal-EURO 2020.

Il-midfielder jidher jitbissem mis-sodda tal-isptar tiegħu u b’sinjal b’subgħajh il-kbir jagħti x’jifhem li jinsab f’qagħda tajba.

F’messaġġ li jakkumpanja r-ritratt, il-plejer ta’ 29 sena kiteb: Grazzi ħafna tal-kummenti u l-messaġġi sbieħ tagħkom minn madwar id-dinja kollha. Dawn ifissru ħafna għalija u għall-familja tiegħi. Fiċ-ċirkostanzi ninsab tajjeb. Għad iridu jsiru xi testijiet l-isptar, iżda ninsab tajjeb. Issa se nkun qed nagħti l-appoġġ lil sħabi fit-tim nazzjonali Daniż fil-logħob li jmiss. Ilagħbu għad-Danimarka”, temm jgħid Eriksen.

L-inċident tas-Sibt li għadda ħasad lil miljuni madwar id-dinja u ħadd ma seta’ jemmen dak li seħħ quddiem għajnejh. L-inċident wassal ukoll biex il-logħba ġiet sospiża wara ħidma intensiva mit-tim mediku biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-plejer Daniż permezz tas-CPR u d-defibrillator.

Il-plejers taż-żewġ timijiet dehru viżibbilment emozzjonati b’dik ix-xena fil-grawnd hekk kif it-tobba kienu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex isalvaw ħajjet il-plejer Daniż.