Barranin
Christian Eriksen b’messaġġ mill-isptar: ‘Mhux se naqta’ qalbi’

L-aġent tal-plejer ta’ Christian Eriksen qal li Eriksen jinsab pożittiv imma ansjuż li jkun jaf xi kkawżalu l-cardiac arrest waqt il-logħba bejn Danimarka u Finlandja.

Mal-ġurnal Gazzetta dello Sport, Martin Schoots qal li l-plejer kellmu lbieraħ filgħodu. Qal li Eriksen kien qed jiċċajta u kien pożittiv. Kompla jgħid li lkoll jixtiequ jkunu jafu x’kienet il-kawża ta’ dak li ġralu, inkluż Eriksen innifsu. Stqarr li t-tobba qed jagħmlu t-testijiet tagħhom, madankollu dawn jieħdu l-ħin tagħhom.  It-tabib tat-tim Daniż kien ikkonferma li l-plejer tal-Inter kien sofra cardiac arrest.

Schoots qal li għinuh ħafna l-messaġġi li rċieva minn madwar id-dinja b’mod partikolari mis-segwaċi tal-Inter.

Spjega li Eriksen se jibqa’ jinżamm taħt osservazzjoni l-isptar minn tal-inqas sa għada. Minkejja dan huwa se jkun qed jissapportja xorta waħda lit-tim tiegħu fil-logħba kontra l-Belġju li se tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej.

Il-kowċ tat-tim Daniż qal li Eriksen qallu li mhux se jaqta’ qalbu. Qal li Eriksen qallu li aktarx hu qed jinkwieta aktar minnu u li qed iħossu lest biex jitħarreġ.