Sport
Christian Eriksen se jitwaħħallu apparat mal-qalb

Il-plejer Daniż Christian Eriksen aċċetta li jitwaħħallu apparat ma’ qalbu biex jgħinha taħdem.

Kien it-tabib tat-tim nazzjonali Daniż, Dr Morten Boesen, li ħabbar li se jitwaħħal dak li jissejjaħ ICD (Implantable Cardiovarter Defibrillator”.

L-ICD huwa apparat żgħir li jitqabbad mal-qalb b’wajers irqaq u jibgħat xokkijiet biex jirregola r-ritmu li bih tħabbat il-qalb.

Eriksen, li għandu 29 sena, għadu miżmum l-isptar madankollu jinsab tajjeb meta wieħed iqis dak li għadda minnu.

Huwa sofra ‘cardiac arrest’ waqt il-logħba tal-Euro 2020 bejn pajjiżu u l-Finlandja. ‘Cardiac arrest’ ifisser li jkun hemm nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tad-demm minħabba li l-qalb ma tippumpjax id-demm kif suppost.

Malli ħarġet l-aħbar il-mezzi tax-xandir Taljani ħarġu rapporti li fihom jqajjmu dubju kemm il-plejer jista’ jerġa’ jitħalla jilgħab fil-kampjonat Taljan.

Dan l-istaġun Eriksen għen lit-tim tiegħu Inter jirbaħ il-kampjonat Taljan.