
Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) qal li s-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ parkeġġ fir-Rabat, Għawdex, fi żmien Santa Marija kellha tkun li jinħoloq parkeġġ temporanju, u mhux li ma jinħarġux ċitazzjonijiet.
Il-BAG qal fi stqarrija li l-parkeġġ temporanju seta’ sar ġo għalqa barra l-belt li tinkera għal dawn il-jiem, u magħha jkun offrut servizz ta’ park and ride li jieħu lin-nies lejn il-belt.
Qal li kellhom jiġu inċentivati metodi alternattivi ta’ trasport, fosthom iċ-ċikliżmu, u mhux jintalbu l-gwardjani biex jonqsu milli jagħti ċ-ċitazzjonijiet għal parkeġġi kontra l-liġi.
Fi kliem il-BAG meta wieħed jitlob lill-gwardjani lokali jkunu flessibbli jkun qed jinkoraġġixxi xufiera biex jipparkjaw il-karozzi tagħhom ħażin b’mod li jistgħu jwasslu għal xi inċident serju.