COVID-19
Ċipru se tħalli lin-nies fi klabbs jiżfnu madwar il-mejda

Hekk kif minn għada l-Ħamis Ċipru se terġa’ tiftaħ in-‘nightclubs’ in-nies mhux se jitħallew jiżfnu fuq id-‘dance floor’ imma biss madwar il-mejda tagħhom.

Skont il-protokoll ġdid maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż, in-nies irid ikollhom SafePass biex jidħlu fil-klabbs jiġifieri jridu jkunu ħadu l-vaċċin, jew talinqas l-ewwel doża, inkella jagħmlu test fit-72 siegħa preċedenti fejn dan juri li m’għandhomx il-virus. Dawk li ħadu l-virus fl-aħħar sitt xhur ukoll se jitħallew jidħlu.

L-istaff tal-klabbs irid jagħmel test kull ġimgħa u n-nies se jitħallew jidħlu fihom jekk jibbukkjaw.

Il-klabbs iridu jallokaw żewġ metri kwadri għal kull persuna bil-massimu ta’ nies li jistgħu jidħlu se jkun ta’ 500.

Il-bars fil-klabbs se jiftħu mill-1 ta’ Lulju u jista’ jkollhom biss sa ħames persuni bilqegħda jew bilwieqfa f’distanza ta’ metru mill-grupp ta’ ħdejhom.

Il-protokoll jgħid ukoll li fejn ikun hemm gruppi mużikali jista’ jkun hemm sa tmien persuni sa l-1 ta’ Lulju. Wara se jkun permess li joqogħdu 10 persuni madwar kull mejda.

Id-distanza minima bejn l-imwejjed trid tkun bejn 0.5 metri u 0.7 metri meta siġġu jitpoġġa bejn żewġ imwejjed.

F”nightclubs’ bi mwejjed għoljin, id-distanza bejniethom trid tkun ta’ 1.5 metri b’massimu ta’ tmien persuni madwar kull mejda.

Waqt li l-istaff bilfors irid ikollhom it-temperatura ċċekkjata, dik tal-klijenti mhux bilfors. Jekk xi ħadd ikollu temperatura li taqbeż is-37.3 grad Celsius ma jitħallix jidħol.

Ir-regoli jgħidu wkoll li l-istaff għandu jitkellem mill-inqas mal-klijenti u fejn possibbli l-menus ikunu ‘disposable’ inkella miksi bil-plastik li jiġi diżinfettat kull darba li jintuża.

L-arja kundizzjonta se tkun permess sakemm arja friska tkun ippumpjata fil-kamra jew il-post jinfetaħ b’mod regolari ħalli tinbidel l-arja.