Lokali
Cirque du Soleil f’Malta lejn l-aħħar ta’ Novembru

Lura Malta il-wirjiet tal-kumpanija dinjija u ewlenija fil-qasam tal-ispettaklu – Cirque du Soleil.

Għal xahar sħiħ, mill-aħħar ta’ Novembru ‘l quddiem, il-wirja ta’ akrobaziji u artistrija viżwali se jkollha t-tema ta’ Malta.

Il-wirja – FIERI Cirque du Soleil – hija l-ewwel waħda minn din il-kumpanija quddiem udjenza f’teatru minn 17-il xahar ilu, wara li d-dinja daħlet fil-pandemija tal-Covid.

Id-direttur artistiku ta’ Cirque du Soleil, Jean-Guy Legault, qal li l-kumpanija qed tħares ‘l quddiem biex jiċċelebraw il-ħajja mill-ġdid kif dejjem jafuha, b’wirjiet live quddiem l-udjenzi.

Wara l-pawsa li daħħlet lid-dinja fil-pandemija tal-Covid-19, il-kumpanija ta’ fama internazzjonali Cirque du Soleil se tippreżenta għall-ewwel darba wara 17-il xahar wieqfa, sensiela ta’ wirjiet akrobatiċi u artistrija viżwali li tant hija magħrufa għalihom.

U dan se tagħmlu f’Malta fejn għal xahar sħiħ, bejn il-25 ta’ Novembru u d-19 ta’ Diċembru, se twassal wirjiet ta’ ħila kbira li se jkunu wkoll imfassla fuq il-kultura u x-xenarju tal-arċipelgu Malti.

Malta kienet id-destinazzjoni ta’ eċċellenza għall-kumpanija Cirque du Soleil li għal Malta se ttella’ l-wirja FIERI.

L-aħħar darba li Dar il-Mediterran ospitat l-udjenza fil-veru sens tal-kelma kien ftit qabel ma faqqgħet il-pandemija fil-bidu ta’ Marzu s-sena l-oħra.

Illum, qal il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, xahar sħiħ tal-wirja FIERI ta’ Cirque du Soleil hija aħbar tajba għall-industrija tal-ospitalità biex tkompli ssaħħaħ lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza.

Cirque du Soleil kien l-aħħar f’Malta fl-2019 u d-direttur artistiku Jean-Guy Legault qal li qed iħarsu ‘l quddiem biex jiċċelebraw il-ħajja mill-ġdid kif dejjem jafuha, b’wirjiet live quddiem l-udjenzi.

“Since we were so absolutely sure we were going to be back, it never really left us. What has changed? The entire world has changed. The last one and a half, two years the whole world saw us in 2D. We have grown to understand that human beings are not meant to live in 2D. They’re meant to have that live contact”.

Il-wirjiet FIERI ta’ Cirque du Soleil qed isiru ma’ Visit Malta bil-kumpanija dinjija bbażata Montreal fil-Kanada tat tifsira ġdida lill-industrija tad-divertiment.

Il-wirjiet tagħha jduru f’mhux inqas minn 60 pajjiż.