Barranin
Ċittadini tal-UE għandhom 28 jum biex jitolbu li jibqgħu fir-Renju Unit

Uffiċjali tal-infurzar fl-immigrazzjoni fir-Renju Unit qed jagħtu 28 ġurnata żmien liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex japplikaw ħalli jibqgħu fil-pajjiż.

L-uffiċċju tal-Intern Ingliż qal li dawk li jkollhom raġuni valida biss se jkunu jistgħu jibqgħu iktar miż-żmien allokat biex jissettiljaw il-pożizzjoni tagħhom.

Madwar sitt miljun persuna – ilkoll ċittadini taż-żona ekonomika Ewropea, applikaw għall-istatus biex jibqgħu fir-Renju Unit. L-uffiċċju tal-Intern qal li qed jirċievi eluf ta’ talbiet kuljum minn persuni li jridu jibqgħu jgħixu u jaħdmu r-Renju Unit.

Kull min tintlaqgħalu l-applikazzjoni biex jibqa’ fir-Renju Unit ikollu d-dritt ta’ residenza u għall-impieg, u anke għas-servizzi tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali. L-ikbar ammont ta’ applikazzjonijiet biex jibqgħu fir-Renju Unit huma minn ċittadini Pollakki u dawk Rumeni.