Lokali
Ċkejken Għawdxi bi mħabba għall-qaddisin u b’xewqa li jsir qassis biex jgħin lin-nies

Għandu tmien snin u l-bieraħ irċieva l-Ewwel Tqarbina f’Ta’ Sannat, Għawdex. Sa minn età iżgħar beda juri mħabba kbira lejn il-festi u ħajjet il-qaddisin. Bil-festi tħarbtu minħabba l-pandemija, minn rajh Gabriel Borg ħa l-inizjattiva li jfakkar fid-dar lill-qaddis tal-jum f’nhar il-festa liturġika. Barra minn hekk, diġà jmidd idu fil-maħżen tal-festa tar-raħal. Ma’ TVM tkellem fuq din l-imħabba li għandu u wkoll x’jixtieq isir la jikber.

“Hello. Illum hija l-festa tal-Patruna tagħna Santa Margherita u għandna statwa ġdida ta’ Santa Rita li hija msemmija għal Santa Margherita.”

Gabriel Borg ta’ tmien snin hu minn Ta’ Sannat. Għandu mħabba kbira lejn il-festi, l-istatwi, il-purċissjonijiet u l-ħajjiet tal-qaddisin. Fid-dar tal-familja, uriena ‘l ħafna statwi li għandu u spjegalna li l-għaxqa tiegħu jiċċelebra l-festi tal-qaddisin.

“Il-qaddisin għamlu ħafna affarijiet kbar. Hawnhekk qed naraw l-artal li għandi, iddedikat lil San Ġużepp. Din is-sena hija Ġużeppina, il-Papa għamilha. Imma San Ġużepp jispirani ħafna għax ara kemm ried jagħmel affarijiet, ried jaħdem, ried iżomm lil Ġesù. Immaġina jgħidlu isma’ inti trid tieħu ħsieb, inti se tkun responsabbli biex tieħu ħsieb lil Ġesù Ħa qatgħa kbira San Ġużepp għax kien se jkun il-missier ta’ Ġesù.

Gabriel intiż ukoll f’ħajjet qaddisin ta’ żmienna.

“Carlo Acutis għex sa 15-il sena u dejjem kien jekk jara Knisja miftuħa jrid jidħol għax irid iqim lil Ġesù, għax Ġesù dejjem hu l-ikbar wieħed għalih u ommu qatt m’immaġinat li hu se jsir qaddis.”

Iltqajna ma’ Gabriel jiem qabel ma rċieva l-Ewwel Tqarbina.

“Uhhh eċitat ħafna. Fuq ix-xwiek. Għax il-preċett mhux il-parties u dawk l-affarijiet għax se tirċievi lil Ġesù ġewwa fik. Dik l-isbaħ ħaġa.”

U x’jixtieq isir Gabriel la jikber? “Jien qassis minn dejjem kienet ġo fija u qassis għax jien irrid ngħin lin-nies ħafna, imma anke jekk ma tkunx qassis tista’ tgħin min-nies, imma l-Bambin qisu qed isejjaħli għal dik il-vokazzjoni.”

Il-ġenituri ta’ Gabriel: Daniel u Karen, u oħtu Francesca, qalulna li kien miġbud lejn dawn l-affarijiet sa minn età ċkejkna ħafna.  Karen Borg qalet “minn dejjem. Kien għadu baby baby, ta’ sena u dejjem ibus l-istatwi għax in-nannu tiegħu kien dilettant, in-nannu Wenzu Borg, ħafna jafuh għax kellu ħafna statwi d-dar.”

Daniel Borg qal “is-Sibt u l-Ħadd niddedikaha miegħu. Irridu nagħmlu jew festa jew nieħdu l-maħżen meta stajna għax bħalissa ilna xhur magħluqin u allura ma nistgħux, imma permezz tiegħu sirt midħla anke jien ta’ ħafna affarijiet.”

Francesca Borg qalet “jien la narah kuntent nipprova nkompli miegħu, infittixlu u ngħinnu u ndoqqlu ftit għax nitgħallem il-mużika.”

Gabriel hu l-iżgħar membru tal-Għaqda Armar Sannat. Il-President Għaqda Armar Sannat, Brian Gauci, qal “Gabriel hu membru attiv is-sena kollha. Mhux darba f’sena jew meta toqrob il-festa, filfatt flimkien ma’ missieru nhar ta’ sibt sikwit ikun il-maħżen jgħinna niżbħu xi biċċa armar, u jagħmel ftit minn kollox ta’ tifel li hu naturalment.”

Brian Gauci kompla jgħid li kurjuża fil-każ ta’ Gabriel hi li ma sarx dilettant tal-armar minħabba missieru, anzi kien missieru li sar dilettant għax Gabriel ried jibda jmur il-maħżen.