Lokali
Consolidated Biscuit u Techniplast b’investiment biex itejbu l-operat tagħhom

Żewġ kumpaniji lokali: Consolidated Biscuit u Techniplast għaddejjin b’investimenti biex itejbu l-operat tagħhom. Consolidated Biscuit qed tinvesti tliet miljun ewro f’fabbrika ġdida fl-Imrieħel, u l-Kumpanija Techniplast għaddejja bi pjan ta’ riġenerazzjoni bil-għan li n-negozju jibqa’ ħaj.

Il-kumpanija Consolidated Biscuit daħlet għal investiment ta’ tliet milun Ewro biex tkabbar l-operat tagħha permezz ta’ fabbrika ġdida fl-Imrieħel.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri, spjega li dan l-investiment qed isir bl-għajnuna ta’ Indis Malta. Qal li l-fabbrika l-ġdida, mifruxa fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru se tingħaqad maċ-ċentru ta’ loġistika permezz ta’ mina taħt l-art.

Il-General Manager Robert Ellul, qal li fl-aħħar ħames snin, il-kumpanija investiet sitt miljun ewro oħra f’linja ġdida ta’ gallettini, investiment fit-taħriġ u fir-riċerka u l-innovazzjoni, u f’ċentru ġdid ta’ loġistika.

”Huwa fundamentali biex tkompli tilqa’ l-isfidi. Aħna iktar mill-pandemij, iktar il-Brexit affettwatna, però bl-investi li qed nagħmlu qed naraw li qed inkunu iżjed kompetittivi għas-suq tal-esportazzjoni u qed inkunu wkoll ninvesti fi prodotti ġodda.”

Is-Sur Ellul qal li l-kumpanija llum qed tesporta f’25 pajjiż. Qal li bil-għajnuna ta’ TradeMalta, fl-aħħar ta’ din is-sena mistennija tibda tissuplixxi lill-akbar katina ta’ supermarkets fil-Lvant Nofsani.

Consolidated Biscuit twaqqfet 40 sena ilu. Illum tħaddem aktar minn 150 persuna, bil-pjan li jkomplu jiżdiedu.

Kumpanija oħra: Techniplast fiż-żona industrijali ta’ Kordin għaddejja b’investiment inizjali ta’ madwar mitt elf ewro f’makkinaru ġdid li jikkonsma anqas enerġija – bil-għan li għandu jtejjeb l-effiċjenza tal-kumpanija li tipproduċi komponenti għal diversi setturi, inkluż l-elettronika, dak mediku u tal-kostruzzjoni.

Id-Direttur Maniġerjali, Alan Cocks, spjega li dan huwa parti minn proċess ta’ ristrutturar li għaddejja minnu l-kumpanija biex iżid il-produttività u tnaqqas l-ispejjeż.

”Dan qed isir billi qed isir energy performance audit li se jagħtina possibilità li niddentifikaw fejn jaqblilna nagħmlu ċertu investimenti li evventwalment ħa jagħtina the highest return biex inkunu nistgħu ninjectjawhom fil-kumpanija stess.”

Żied jgħid li dan il-proċess qed ikun iffaċilitat bl-għajnuna tal-Malta Enterprise.

Il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbbli, Miriam Dalli, qalet li din il-kumpanija kienet kruċjali fil-pandemija għax immanifatturat il-flixken għall-hand sanitzers li kienu qed isiru minn kumpaniji Maltin meta kien hawn nuqqas tagħhom. Ħeġġet lill-intrapriżi u negozji Maltin u Għawdxin biex jużaw skemi tal-Malta Enterprise fil-pjan ta’ rkupru tagħhom f’dan iż-żmien tal-pandemija.

Techniplast twaqqfet fis-snin sebgħin u llum tħaddem mal-20 ħaddiem, ħafna minnhom huma tekniċi.