COVID-19
Covid-19: 0 każijiet ġodda, 2 ifiqu, ebda mewt

In-numru ta’ każijiet attivi tal-Covid-19 niżel għal 72 wara li bejn ilbieraħ u llum ma ġie rrappurtat ebda każ ġdid waqt li fiequ tnejn.

L-aħħar darba fejn ma kien rappurtat ebda każ kien il-25 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet.

Ma kienet rappurtata wkoll ebda mewt relatata mal-pandemija biex it-total tal-vittmi baqa’ 419.

Bejn ilbieraħ u dalgħodu saru 1,355 ‘swab test’ li tellgħu t-total ta’ testijiet għal 942,552.

In-numru ta’ persuni li ħadu l-virus mindu feġġ f’pajjiżna f’Marzu 2020 baqa’ 30,571.

Bil-każijiet il-ġodda ta’ fejqan telgħu għal 30,080 dawk li skont l-awtoritajiet tas-saħħa rkupraw mill-pandemija.

Sal-bieraħ kienu ngħataw 553,814 doża tal-vaċċin li minnhom 328,168 kienu l-ewwel doża.

In-numru ta’ dawk li issa huma vaċċinati kompletament huwa ta’ 235,133.