COVID-19
Covid-19: 121 każ ġdid, 105 oħra mfejqa u 2 anzjani jmutu waqt li kienu pożittivi bil-virus

Il-Professur Charmaine Gauci waqt il-konferenza stampa tal-lum ikkonfermat li fl-aħħar 24 siegħa ħarġu 121 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn 3,377 swab test, b’105 persuni oħra jfiqu mill-virus.

Ikkonfermat ukoll li mara ta’ 87 sena mietet ilbieraħ f’Mater Dei waqt li kienet pożittiva bil-Covid-19 mentri dalgħodu mietet anzjana ta’ 75 sena bit-total ta’ persuni li tilfu ħajjithom din il-ġimgħa waqt li kienu pożittivi bil-virus jitilgħu għal 16.

Hija qalet li b’kollox f’Mater Dei hemm 42 pazjenti għall-kura li jinsabu pożittivi għall-Covid-19, fl-ITU hemm 13 il-pazjent ieħor, fl-IDU hemm 13 għall-kura mentri fl-isptar Boffa hemm 20 pazjenti u 22 pazjenti oħra fl-isptar St Thomas. Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex hemm 15 għall-kura, 2 minnhom fl-ITU mentri 77 persuna jinsabu għall-kura fid-dar tal-anzjani Good Samaritan u persuna pożittiva tinsab ukoll f’Mount Carmel.

Il-Prof Gauci appellat lill-bdiewa u raħħala li jinsabu fi kwarantina biex ikellmu lill-awtoritajiet ikkonċernati biex isiru l-arranġamenti biex tinstab persuna li tkun tista’ tagħlef l-annimali li jrabbu flokhom.

L-R factor dan l-aħħar kien inqas minn 2, bil-Professur Gauci ttenni li kemm jista’ jkun għandu jinżamm baxx biex titnaqqas il-firxa.

Fost l-immigranti hemm 7 każijiet li għadhom attivi.

Tista’ ssegwi l-konferenza stampa hawn:

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/400894994604808