COVID-19
COVID-19: Il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv jistma li ġa fiequ 150 pazjent

It-tobba tas-saħħa pubblika u professjonisti mediċi oħra għandhom kejl differenti ta’ kif jiddikjaraw l-pazjenti bil-Covid 19 imfejqa. Filwaqt li uffiċjalment, f’Malta issa għandha 16-il pazjent li fiequ, il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-isptar Mater Dei, Dr Charles Mallia Azzopardi qal li huwa jistma li l-pazjenti mfejqa f’Malta diġà jgħoddu mal-150.

Id-Direttur Kliniku tat-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, l-anestatista Dr Carmel Abela qal li sa issa l-ITU kellu rata tajba ta’ suċċess b’75% tal-pazjenti li daħlu l-ITU ħarġu wara li ngħataw kura fl-ITU. Dr Abela qal li sitta min tmienja li daħlu fl-ITU irpiljaw.

Fil-programm Dissett, Dr Abela wera ruħu fiduċjuż li ż-żewġ pazjenti li jinsabu f’qagħda gravi bil-Coronavirus fl-ITU jistgħu wkoll ifiqu.

“Għadhom f’qagħda li jistgħu jsalvaw, jiġifieri qegħdin narawha b’mod pożittiv, u mhux kollha kellhom jiġu intubati bil-ventilator, imma ħadu l-ossiġnu b’mod agwementat mhux fuq il-ventilator.”

Il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv, Dr Charles Mallia Azzopardi qal mil-lat kliniku r-rata ta’ fejqan hija akbar minn dik li tiġi stabbilita mill-protokol tat-tobba tas-saħħa pubblika.

“Jien ngħidlek li jekk kellna 300 ruħ f’Malta li kienu pożittivi, ħafna iżjed minn nofs huma mfejqin kompletament. Il-mod ta’ kif iħarsu lejn il-fejqan it-tobba tas-saħħa pubblika u allura jridu jagħtu rendikont għall istatistika għall-aġenziji barranin, bħal WHO, hija li kif toħroġ mill-isptar, trid tistenna 14-il ġurnata terġa’ tiġi swabbed u jekk dak jiġi negattiv għandek bżonn erbatax-il ġurnata kwarantina”.

Fil-programm, Dissett l-Erbgha filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Minisitru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mal-lat tat-tobba tas-saħħa pubblika, seta’ jgħid li fiqu ħdax-il pazjent ieħor.

“Jiġifieri b’kollox issa għandna 16-il ruħ, kellna diġà ħamsa u bit-testijiet li saru llum ħdax il-persuna oħra, jiġifieri issa bdejna naraw in-nies li qed jagħdu minnha u qed ifiqu mhux biss mis-sintomi imma wkoll bit-tesijiet b’mod uffiċjali wkoll.”

Il-Ministru Fearne indika li fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun ippublikata mappa biż-żoni f’Malta u Għawdex fejn instabu persuni infettati iżda wissa’ li din ma tfissirx li f’xi lokalità hemm rata ogħla ta’ infezzjoni minn lokalitajiet oħra.