Barranin
COVID-19: It-tilqima tal-AstraZeneca mistennija għal Diċembru

Mistennija għal Diċembru t-tilqima li riċerkaturi tal-Università ta’ Oxford qed jaħdmu fuqha għall-kumpanija farmaċewtika ġganteska AstraZeneca. L-aħħar provi fuq anzjani ‘l fuq minn sebgħin sena kienu suċċess.

It-tim ta’ riċerkaturi fl-Università ta’ Oxford li qed jaħdmu fuq it-tilqima kontra l-Covid għall-AstraZeneca qalu li l-provi qed ikomplu juru sinjali promettenti li din hija effettiva. L-aħħar provi saru fuq grupp ta’ anzjani bejn is-sittin u s-sebgħin sena u r-riżultati kienu tajba. Il-professur Pollard mill-Università ta’ Oxford qal li huma mhux qegħdin f’kompetizzjoni ma’ tilqimiet oħra li qed jiġu żviluppati għaliex hemm bżonn kull tilqima li tista’ tkun manifatturata biex il-virus jingħeleb. Minbarra din mill-Università ta’ Oxford, hemm tliet tilqimiet oħra li qed jiġu proċessati u għandhom riżultati tajba – mill-Pfizer, it-tilqima Sputnik tar-Russja u mill-kumpanija farmaċewtika Moderna. Ma’ dawn anke t-tilqima tal-BioNTech ukoll tinsab fi stadju avvanzat.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Biontech Ugur Sahin qal “we have of course to wait, to wait for authorization and approval. If everything goes well we could start to supply the vaccines to Europe and the United States in the second half of December and you can see that of course as a Christmas present but it is of course, of course, of course, most important, to answer all the questions and to get the approval first.”

Sadattant, xjentisti li qed jagħtu pariri lill-gvern Ingliż qalu li n-nies m’għandiex tinġabar għand xulxin għall-festini tal-Milied għax dan huwa l-ikbar riskju għat-tixrid tal-COVID-19. Fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, l-Istati Uniti rreġistrat s’issa iktar minn 250,000 mewta kawża tal-coronavirus u tibqa’ l-iktar pajjiż b’rata mgħaġġla ta’ infezzjonijiet u mwiet.